Għar-raba' darba Mizzi mhux se jixhed dwar il-kuntratt tal-Electrogas
Jinforma lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li jista' jidher biss mit-3 ta' Novembru 'l quddiem meta jkun disponibbli wkoll l-Avukat tiegħu
minn Yendrick Cioffi / Anthea Cachia
Għar-raba' darba, l-eks Ministru Konrad Mizzi mhux se jkun qed jattendi biex jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestiga l-kuntratt kontroversjali tal-Electrogas, li Mizzi kien responsabbli minnu.
Mizzi kellu jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għada iżda fuq Facebook kiteb li informa lill-Kumitat li hu u l-Avukat tiegħu ma jistgħux imorru qabel it-3 ta' Novembru.
L-eks Ministru naqas milli jidher erba' darbiet quddiem dan il-Kumitat. Fl-ewwel żewġ okkażjonijiet qal li ma kienx se jattendi għax fi kliemu dan ma hu xejn għajr "attakk partiġġjan" mill-Partit Nazzjonalista fuq proġett, li fi kliemu, fisser biss benefiċċji.
L-Oppożizzjoni kienet imbagħad ippreżentat mozzjoni biex ikun il-Parlament li jordna lil Mizzi biex jidher. Qabel ġiet diskussa l-mozzjoni, Mizzi kien qal li sejjer jixhed iżda mbagħad, ftit sigħat qabel il-laqgħa, reġa' informa lill-Kumitat li ma kienx sejjer għax l-Avukat ma kienx disponibbli.
Konrad Mizzi, implikat fil-Panama Papers kien tkeċċa mill-Partit Laburista fl-2020 wara li kien ġie żvelat l-iskandlu tal-windfarm tal-Montenegro u r-rabta bejn l-investiment tal-Enemalta u l-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech.
Ta' min ifakkar ukoll li l-kumpanija ta' Mizzi fil-Panama kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpanija ta' Yorgen Fenech 17 Black, li fiha daħlu eluf ta' ewro, fosthom mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass, li huwa parti essenzjali mill-powerstation tal-Electogas.
Yorgen Fenech illum huwa akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u b'akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus.
Il-Kumitat jerġa jsejjaħ għal mozzjoni oħra biex Mizzi jiġi jixhed
Iċ-Chairperson tal-Kumitat, Beppe Fenech Adami jgħid li fil-fehma tiegħu issa huwa evidenti li hemm konfoffa bejn il-Partit Laburista (PL) u Konrad Mizzi biex ma jiġix quddiem il-kumitat.
Huwa spjega li l-PL qiegħed juża l-iskużi kollha, permezz ta’ Konrad Mizzi, biex ma jitlax quddiem il-membri tal-Kumitat, inkluż dawk tal-oppożizzjoni u jaffaċċja l-mijiet ta’ mistoqsijiet li qed jistennewh.
Għaldaqstant huwa qal li dan mhu tort ta’ ħadd ħlief tal-PL u din kienet, “deċiżjoni intenzjonata tal-PL. Għaliex il-PL, jibqa’ jagħmel minn kollox biex ma jikkooperax u ma jivvutax magħna bħala l-oppożizzjoni biex inġibu lil Konrad Mizzi jixhed quddiem il-Kumitat?”
Kien hawn li Fenech Adami staqsa, “x’jaf Konrad Mizzi dwar il-PL biex ma jridux jixhed? X’jaf Konrad Mizzi, fuq l-involviment tal-Prim Ministru Robert Abela, bħala konsulent legali f’Kastilja, taħt Jospeh Muscat?”
'Il-proġett tal-Electrogas inħadem qabel l-elezzjoni tal-2013'
Minn naħa l-oħra, id-deputat Carol Aquilina saħaq li kemm bħala Kumitat kif ukoll bħala membri tal-oppożizzjoni fi ħdanu se jibqgħu jinsistu biex Mizzi jixhed, ikun meta jkun. Aquilina spjega li issa huwa ċar li l-proġett tal-Electrogas nbena u nħema qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 minn Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith scembri.
Aquilina saħaq li għandu ‘l fuq minn 150 mistoqsija għal Mizzi, “u dawn huma mistoqsijiet li n-nies stess qed jisaqsu. Dawn huma wkoll mistoqsijiet li jirriżultaw mir-rapport li għamel l-Awditur Ġenerali. Rapport li jikkundanna l-proġett u l-Gvern Laburista għall-abbuż li wettaq f’dan il-proġett.”
'Illum qed nassistu għal puntata oħra mill-pantomima ta’ Konrad Mizzi il-korrott'
Intant, id-deputat Ryan Callus qal li permezz tal-mozzjoni, ilkoll ikollhom “il-poter li nġiegħluh jitla’ jixhed pero Robert Abela ma jridx. Qiegħed jibża’ għax Mizzi ta x’pariri ta meta kien konsulent tiegħu. Abela qiegħed jibża li forsi jixef lill-Ministru tal-Enerġija, Miriam Dalli li kienet il-kelliem ta’ Mizzi meta kien Ministru tal-Enerġija.”
Jekk tissejjaħ elezzjoni, il-Kumitat jiġi xolt
Mistoqsi mill-ġurnalisti x’jiġri jekk tissejjaħ elezzjoni, Fenech Adami wieġeb li Mizzi qed jipprova jtawwal il-proċess kemm jista’ bit-tama, “jew b’koordinament” li jkun xolja l-parlament u ma’ jerġax jixhed quddiem il-Kumitat.
Għaldaqstant jispjega li jekk il-PM jiddeċiedi li tissejjaħ elezzjoni ġenerali allura l-Parlament jkun xolt u anke l-kumitat.