Mina għall-karozzi, għall-metro jew it-tnejn? Xi jridu l-Għawdxin? L-ILLUM tistaqsi

Fil-proposta għall-metro li ppreżenta, il-Gvern mhux qed iħares lejn konnessjoni b’metro bejn Malta u Għawdex għall-kuntrarju ta’ proposti oħra li saru. Imma l-Għawdxin x’jaħsbu? Iridu metro? Jew aħjar mina għall-karozzi? 

Fir-raba’ artiklu minn sensiela dwar il-proposta ta’ metro għal Malta, il-gazzetta ILLUM qed tiffoka fuq Għawdex u tistaqsi jekk sistema ta’ trasport tal-massa taħt l-art għandhiex tkun estiża wkoll għall-gżira Għawdxija. Ir-reazzjonijiet huma varji. Min qed jisħaq li l-metro għandha tieħu post il-mina għall-karozzi u min qed jinsisti li waħda ma teskludix lill-oħra. 

Il-proposta li ressaq il-Gvern tinkludi tliet linji u tkopri diversi lokalitajiet fil-qalba ta’ Malta, minn Buġibba sal-Ajruport iżda l-ebda konnessjoni ma’ Għawdex. 

Dan għall-kuntrarju tal-proposta tal-kumpanija KonceptX li tinkludi linja waħda iżda li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta. Anke l-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista, qabel l-elezzjoni tal-2017, kienet tinkludi konnessjoni bejn Malta u Għawdex. 

Il-kumpanija internazzjonali Arup, li wettqet l-istudju dwar is-sistema tal-metro li qed jippreżenta l-Gvern qed tisħaq li biex il-metro għal Għawdex tkun tagħmel sens, hemm bżonn li l-popolazzjoni fil-gżira Għawdxija tiżdied “b’minn tal-inqas 50,000 resident.” Tinsisti wkoll li “din hija xi ħaġa li tista’ tħalli impatt negattiv fuq Għawdex.” 

 

‘Jekk għandha ssir mina għandha ssir għall-metro mhux għall-karozzi’ 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), Joe Muscat
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), Joe Muscat

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), Joe Muscat, saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-Assoċjazzjoni kienet sorpriża bil-fatt li l-proposta tal-Gvern għal sistema ta’ metro taħt l-art ma tinkludix ukoll konnessjoni bejn Malta u Għawdex. 

F’kummenti mal-ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA insista li jekk għandha ssir mina din ma għandhiex tkun għall-karozzi, għax fi kliemu mhu se tkun qed issolvi l-ebda problema. Insista li mina bejn Malta u Għawdex għandha tkun parti minn sistema nazzjonali ta’ trasport tal-massa. 

Kien hawn li saħaq li ġaladarba l-mina xorta waħda se tkun qed issir, il-Gvern għandu jassigura li din tkun tinkludi l-metro u mhux mina għall-karozzi. 

“Għaliex se ddaħħal dawk il-karozzi kollha f’Għawdex? Għawdex ukoll għandu problema tat-traffiku. Mhux daqs ta’ Malta imma qed tiżdied ukoll. Anke l-parkeġġ problema. Mur ir-Rabat wara t-tmienja u ara tipparkjax,” insista. “Għaliex mhux se nagħtu faċilità għall-Għawdxin.” 

Insista li jekk Għawdxi se jaqbad il-mina tal-karozzi biex jinżel għax-xogħol il-Belt, malli jiżbokka l-Imbordin, xorta waħda għandu “siegħa u kwart” biex jasal minħabba t-traffiku. 

“Ma nistgħux nifhmu. Nemmnu li metro taħt l-art hija soluzzjoni biex jonqos it-traffiku imma mbagħad bejn Malta u Għawdex se nagħmlu mina għall-karozzi,” saħaq. “Aħna totalment kontra l-mina għall-karozzi.” 

Kompla jisħaq li l-GTA mhux qed tippretendi li jkun hemm stazzjon f’kull lokalità f’Għawdex, għax wara kollox lanqas f’Malta mhu se jkun hemm stazzjon għal kull lokalità. 

 “Għawdex inqisu villaġġ. Stazzjon wieħed bejn ir-Rabat u x-Xewkija wkoll biżżejjed. Imbagħad ikun hemm sistema ta’ trasport pubbliku li taħdem id f’id mal-metro,” kompla jinsisti. 

L-ILLUM tistaqsi lil Muscat dwar l-argument li biex il-metro għal Għawdex tkun vijabbli, il-popolazzjoni Għawdxija trid tiżdied b’50,000 persuna. Jisħaq minnufih “li dan l-argument ma jreġix.” 

Saħaq li l-ebda lokalità f’Malta, fejn se jkun hemm stazzjon, ma għandha popolazzjoni ta’ 50,000 ruħ. Fakkar ukoll li l-popolazzjoni ta’ Għawdex bħalissa hija ta’ ftit aktar minn 30,000 persuna. Kompla jisħaq li l-ebda lokalità f’Malta, li mistennija jkollha stazzjon, ma għandha popolazzjoni akbar minn ta’ Għawdex.  

“Għawdex huwa distrett waħdu. F’Malta, biex jingħaqad distrett f’termini ta’ popolazzjoni, jingħaqdu xi ħames lokalitajiet f’salt jekk mhux aktar,” kompla jinsisti. “Dan l-argument ma jagħmilx sens.” 

Fakkar ukoll li l-konnessjoni bejn Għawdex u Malta diġà tjiebet ħafna.  

“Jekk tieħu l-Gozo Channel u l-Fast Ferry, f’ġurnata jagħmlu medja ta’ 120 vjaġġ,” insista waqt li fakkar li l-Gvern wiegħed ukoll konnessjoni bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. 

Kien għalhekk li insista li jekk se ssir konnessjoni fissa bejn iż-żewġ gżejjer, din għandha ssir “tajba darba għal dejjem” u għalhekk tkun konnessjoni b’metro u mhux b’mina għall-karozzi. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg

 

‘Waħda ma teskludix lill-oħra ... imma mina għall-karozzi tibqa’ prijorità’ 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg li saħaq li l-Kamra hija favur kull tip ta’ konnessjoni li tgħaqqad lil Malta u Għawdex, tkun xi tkun. 

Fakkar li l-Kamra minn dejjem kienet favur konnessjoni b’mina għall-karozzi bejn iż-żewġ gżejjer u insista li anke jekk ‘il quddiem ikun hemm il-ħsieb li ssir konnessjoni b’metro, din ma għandha qatt tieħu post il-mina bil-karozzi. 

Fi kliemu, waħda ma teskludix lill-oħra.  

“Aħna ma rridux li l-mina tkun għall-metro biss. Aħna favur il-mina bil-karozzi. Jekk ikun hemm il-ħsieb, naqblu li din tkun takkomoda kemm il-karozzi u anke il-metro,” insista Borg. 

Mistoqsi għaliex ma jaqblux li f’dan l-istadju l-mina għall-karozzi tingħata l-ġenb u l-konnessjoni tkun b’metro, Borg insista li huwa bżonn urġenti li jkun hemm konnessjoni fissa bejn iż-żewġ gżejjer, għax fi kliemu, Għawdex diġà tilef ħafna żmien. 

Fakkar li l-proġett tal-metro huwa wieħed li jħares fit-tul u anke fil-proposti li saru u li kienu jinkludu konnessjoni bejn Malta u Għawdex, din il-parti kienet l-aħħar fażi tal-proġett u għalhekk tieħu snin twal biex isseħħ. 

“Qed naraw li l-mina għall-karozzi tista’ timmaterjalizza fis-snin li ġejjin. Mhux qed ngħid li ma naħsbux għall-metro fit-tul, imma ma naqbilx li neliminaw il-mina għall-karozzi. Il-mina tal-karozzi għandha tibqa’ prijorità,” insista. “Kellna servizzi u ħaduhomlna. Fast ferry diġà kien hemm u tneħħa. Konnessjoni bl-ajru kien hemm u tneħħiet. Konnessjoni fissa hija importanti.” 

Tenna li bħalma l-fast ferry ma eskludiex il-vapur ta’ Għawdex, mina bil-karozzi ma jfissirx li għandha telimina possibbilità ta’ metro fil-futur u viċi versa.  

“Għandu jkun hemm għażliet differenti skont il-bżonnijiet differenti,” saħaq Borg waqt li fakkar, fost oħrajn, li bil-metro mhux se titwassal merkanzija f’Għawdex. 

“Aħna dejjem ngħidu li l-mina għall-karozzi mhux se tkun għall-Għawdxin biss. Hemm ukoll Maltin li jaħdmu Għawdex u anke ħafna kummerċ,” kompla jispjega. 

Iżda l-ILLUM tfakkru li l-mina se tkun qed iżżid it-traffiku f’Għawdex u dan huwa argument li qed jagħmlu dawk li huma xettiċi dwar il-proġett. Borg insista li l-mina għadha ma saritx u l-għadd ta’ persuni li jaqsmu bejn Malta u Għawdex bil-karozzi xorta qed jiżdied. 

Fi kliemu, dan qed joħloq konġestjoni, inkluż fil-Port tal-Imġarr, anke għax ikun hemm għadd ta’ karozzi li jaslu f’salt (skont meta jasal il-vapur). 

“In-nies diġà qed jaqsmu. Mhux se tkun il-mina li twaqqafhom,” insista waqt li saħaq li bis-saħħa tal-mina għall-karozzi ma tinħoloqx konġestjoni kull meta jasal il-vapur. Fakkar li dawn il-vjaġġi u anke t-traffiku mhux jagħmlu ġid ambjentali. 

Argument ieħor li qed jagħmlu dawk li huma kontra l-mina għall-karozzi huwa li din se twasal għal żvilupp bla rażan fil-gżira Għawdxija. 

Fakkar li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija ilha żmien titkellem fuq l-iżvilupp “sfrenat” li għaddej f’Għawdex ukoll. Insista li l-mina għadha ma saritx u l-iżvilupp xorta qed iseħħ. 

“L-iżvilupp isir minħabba l-policies mhux minħabba l-mina tal-karozzi,” temm jisħaq. 

 

‘Sintomatiku ... il-Gvern reġa’ nesa lil Għawdex’ 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said saħaq li bħala Għawdxi u Deputat elett minn dan id-distrett, iħossu “ddiżappuntat” li l-Gvern eskluda lil Għawdex minn sistema ta’ metro proposta. 

“Xi ħaġa sintomatika ta’ Gvern li dejjem jinsa lil Għawdex,” insista Said waqt li saħaq li l-Gvern għandu jispjega aktar fid-dettall għaliex mhux jinkludi lil Għawdex f’din il-proposta. 

“Jekk qed jaħseb fuq sistema ta’ metro, Għawdex kellu jkun inkluż,” kompla jisħaq. 

Fakkar li lura fl-2017, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona sistema ta’ trasport tal-massa u kien inkluda wkoll lil Għawdex. Fi kliemu, anke jekk kien għad fadal studji xi jsiru, il-proposta kienet waħda studjata min-numru ta’ esperti. 

“Dak iż-żmien il-Gvern kien iddieħak bina,” insista Said. “Nibża’ li kienet proposta li ntefgħet qabel l-elezzjoni b’ħafna pompa, tined u fuljetti.” 

Fil-fatt saħaq li fil-Baġit ma hemm xejn maħsub għal din il-proposta. Fi kliemu, kull pass, anke jekk sempliċiment studju, jiswa l-flus. “Il-Baġit ma jalloka xejn għal dan,” kompla. 

Mistoqsi x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Said saħaq li l-PN huwa favur kull ħaġa li tkun tagħmel sens u li ttejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex. 

Madanakollu saħaq li wieħed irid ikun ċar fuq dak li qed jipproponi. Insista li kull proposta, anke dik ta’ konnessjoni b’metro, għandha tkun studjata fid-dettall u d-deċiżjonijiet jittieħdu wara li jkunu saru l-istudji kollha, jkunu ngħataw il-pariri kollha tal-esperti u anke tkun saret konsultazzjoni. 

“Irridu naraw x’inhu l-aħjar għal Għawdex. Fejn tidħol konnessjoni fissa, il-Gvern naqas mir-responsabbilità tiegħu. Ma ppreżentax l-istudji li għamel dwar il-mina u issa ppreżenta proposta għal metro iżda ħalla lil Għawdex barra. Ħallata ballata,” insista Said. 

Mistoqsi jekk il-PN jikkomettix ruħu li jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta b’metro, Said insista li l-ewwel isiru l-istudji u d-diskussjoni kollha li hemm bżonn u jekk jirriżulta li l-metro hija l-aħjar għażla allura tkun implimentata. 

Madanakollu fakkar li din hija soluzzjoni fit-tul għall-konnettività bejn Malta u Għawdex. Insista li hemm affarijiet oħra li jistgħu jsiru fl-immedjat u fis-snin li ġejjin. 

Fakkar li l-PN qed iwiegħed li jekk ikun elett, fil-leġislatura li jmiss jordna u jdaħħal żewġ vapuri ġodda u moderni. Spjega li wieħed minnhom ikun iddedikat kollu kemm hu għall-merkanzija u ma jkunx jitlaq miċ-Ċirkewwa imma miċ-ċentru ta’ Malta, mill-Port il-Kbir jew mill-Port ta’ Marsamxett, anke biex jonqos it-traġitt bit-trakkijiet.  

Dan ifisser, kompla jispjega Said, li wieħed mill-vapuri jieħu post il-vapur Nikolaus biex ikun hemm erba’ vapuri moderni li jaqdu lill-passiġġieri u vapur ieħor li jkun iddedikat kollu kemm hu għall-merkanzija u li jaħdem bi skeda aktar minn darba fil-ġurnata.  

Apparti minn hekk, fakkar li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll li jitkabbar il-Port tal-Imġarr.  

 

‘Irridu nkomplu nisimgħu lill-Għawdxin dwar x’tip ta’ Għawdex iridu’ 

Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri
Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li fakkar li l-istudji tal-kumpanija Arup huma xogħol l-esperti internazzjonali u indipendenti. 

Insista li l-istudji kienu ppubblikati b’mod sħiħ u għaddejja d-diskussjoni.  

Mistoqsi dwar il-metro bejn Malta u Għawdex u l-fatt li skont l-istudji tal-Arup dawn mhumiex vijabbli, il-Ministru insista li l-Gvern irid ikompli jisma’ lil Għawdxin dwar x’tip ta’ Għawdex iridu. 

“Irridu nisimgħu wkoll l-opinjoni tal-Għawdxin u l-Maltin dwar dan il-proġett innifsu,” kompla l-Ministru. “Sadanittant ma hemmx dubju li l-Gvern preżenti huwa dak li għandu l-kredibbilità fuq il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.” 

Kien hawn li fakkar li kien il-Gvern preżenti li daħħal ir-raba’ vapur, beda l-Fast Ferry u beda jaħdem fuq ix-Xewkija heliport. 

 “Aħna l-unika partit politiku f’Malta b’pożizzjoni ċara wkoll fuq il-mina bejn iż-żewġ gżejjer,” kompla jisħaq.  

 

Mina għall-metro tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Din l-Art Ħelwa Għawdex li saħqet li mina b’metro bejn Malta u Għawdex tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika milli mina għall-karozzi. 

Fil-fatt, l-organizzazzjoni saħqet li ilha żmien issegwi l-iżviluppi marbuta mal-mina għall-karozzi proposta u anke dawk dwar proġett għall-Metro. Insistiet li qed tagħmel dan billi tikkonsulta anke ma’ esperti internazzjonali li għandhom esperjenza f’dawn l-oqsma. 

Kien hawn li saħqet li hija kontra l-introduzzjoni ta’ mina għall-karozzi bejn Malta u Għawdex li fi kliemha se żżid biss il-karozzi u t-traffiku. Insistiet li jekk kellu jsir proġett ta’ trasport tal-massa, mina bejn Malta u Għawdex għall-metro, tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika. 

Din l-Art Ħelwa Għawdex saħqet li metro bejn Malta u Għawdex taf tnaqqas id-dipendenza tal-karozzi biex persuna żżur Għawdex waqt li fakkret li l-impatt ta’ aktar traffiku diġà beda jinħass, partikolarment fir-Rabat. Insistiet li dan ifisser aktar tniġġis tal-arja fost oħrajn.  

Dwar l-istudji tal-kumpanija Arup u anke l-ispjega tagħhom għaliex metro għal Għawdex mhijiex vijabbli, Din l-Art Ħelwa Għawdex saħqet li hemm bżonn aktar studji dwar dan. 

Temmet tisħaq li f’dan l-istadju, hemm bżonn aktar investiment fis-servizzi tal-fast ferry u anke fil-flotta tal-Gozo Channel.  

More in Politika