Disa' minn kull 10 żgħażagħ iħossu li s-sitwazzjoni fl-ambjent 'qed tiggrava'
Ħafna huma mħassbin fuq l-ambjent u l-iżvilupp f'pajjiżna, imma dan it-tħassib jiżdied bil-kbir fost dawk bejn is-16 u l-40 sena. L-ILLUM tirrapporta u tistaqsi...
minn Albert Gauci Cunningham
Fuq l-ambjent nisimgħu ħafna tgergir u ilmenti u l-Prim Ministru Robert Abela stess saħaq, fid-diskors tiegħu bħala reazzjoni għal dak tal-Kap tal-Oppożizzjoni, illi fl-ambjent hemm il-problemi. U jidher li ħadd daqs iż-żgħażagħ u dawk kollha bejn 16 u 40 sena, ma huma qegħdin jesprimu dan it-tħassib dwar il-wirt naturali ta' madwarna.
Fil-fatt skont sondaġġ li sar minn EY - Building The World Together jirriżulta li xejn inqas minn 89% ta' dawk bejn is-16 u l-25 sena - il-Ġenerazzjoni Z - jemmnu li s-sitwazzjoni tal-ambjent f'pajjiżna qed tiggrava. Dan filwaqt li persentaġġ akbar - jew 90% ta' dawk il-parteċipanti ta' bejn il-25 u l-40 sena jħossu li l-ambjent qed jiggrava. Huma 9% biss ta' dawk f'dawn l-etajiet li jħossu illi s-sitwazzjoni f'dan is-settur baqgħet l-istess u persentaġġ żgħir immens li jaħsbu li l-ambjent huwa aħjar (2% - Gen Z. u 1% dawk bejn 25-40 sena).
Dan juri li l-iskuntentizza fuq dan is-settur u l-għarfien u s-sensittività ambjentali fost il-ġenerazzjonijiet li huma iżgħar hija ħafna ogħla, hekk kif f'sondaġġ tal-Mediatoday (MT) irriżulta li 21% tal-poplu b'mod ġenerali jħoss illi l-ambjent huwa s-suġġett l-aktar importanti għalihom.
L-iżvilupp, l-ambjent u t-traffiku!
Filwaqt illi t-tliet l-aktar kwistjonijiet importanti tal-poplu in ġenerali - skont is-sondaġġ MT - huma l-ekonomija, il-flus fil-but u l-ambjent - f'dik l-ordni - fost dawk bejn is-16 u l-40 sena - skont is-sondaġġ EY - l-aktar sfidi li qed jipprejokkupawhom huma l-iżvilupp 'żejjed', l-ambjent u t-traffiku. L-ewwel tnejn jistgħu jintrabtu flimkien sabiex l-opinjoni jew il-perċezzjoni ta' problemi fl-ambjent fost dawn l-etajiet tkompli tissaħħaħ.
Kienu b'kollox 68% tal-parteċipanti kollha li semmew l-iżvilupp bħala sfida għal Malta - 9% aktar minn sondaġġ simili fl-2020, kienu 55% li semmew l-ambjent - 4% aktar mill-2020 u inqas minn nofs dan - jiġifieri 26% - li semmew it-traffiku - 7% inqas mill-2020.
F'kull waħda dawk bejn il-25 u l-40 sena kienu aktar ċerti li dan is-suġġett huwa ta' sfida għal Malta bħalissa. Fil-fatt, filwaqt li 64% ta' dawk bejn is-16 u l-25 sena jemmnu li l-iżvilupp huwa ta' sfida, huma 71% ta' dawk bejn il-25 u 40 sena li jaħsbu l-istess. Filwaqt li 53% ta' dawk sa 25 sena jemmnu li l-ambjent huwa sfida 56% ta' dawk sa 40 sena jemmnu l-istess. Finalment filwaqt li 24% tal-Ġenerazzjoni Z temmen li t-traffiku huwa problema 27% ta' dawk bejn il-25 u l-40 sena jemmnu l-istess.
Il-Bidla fil-Klima ħafna iktar ta' sfida f'għajnejn dawk iżgħar fl-età
Interessanti iżda illi mbagħad dak li jaraw bħala sfida dawn iż-żewġ etajiet jinbidel xi ftit fuq suġġetti oħrajn. L-aktar ċara hija dik li għandha x'taqsam mal-Bidla fil-Klima - fejn 33% ta' dawk bejn is-16 u l-25 sena jarawha bħala sifda, pero' huma biss 6% ta' dawk bejn il-25 u 40 sena li jaħsbu l-istess. Differenza notevoli wkoll hija l-isfida tal-immaġini internazzjonali ta' Malta, b'30% ta' dawk bejn 25 u 40 sena jaħsbu li r-reputazzjoni tagħna barra hija sfida, pero' huwa biss ftit aktar minn nofs - jew 17% - ta' dawk fl-etajiet 16-24 li jaħsbu l-istess.
Il-fatt li l-pandemija jidher li battiet mhux ħażin ipoġġiha lura sew fil-lista ta' sfidi b'20% mill-parteċipanti kollha jsemmuha, 39% inqas mill-istess sondaġġ is-sena l-oħra. Intant 19% isemmu l-edukazzjoni, 14% l-immigrazzjoni, 9% isemmu t-tluq ta' nies u professjonijisti minn Malta (brain drain) u finalment 8% jsemmu l-inugwaljanza.
Huma b'kollox 21% li jħossu illi Malta għandha sfida ekonomika.
Perspettiva pożittiva dwar l-ekonomija!
L-ekonomija ma tissemmiex bħala waħda mill-isfidi ewlenin bħalissa, probabbilment għaliex maġġoranza jaħsbu li l-ekonomija sejra tajjeb jew mhux ħażin.
Fil-fatt mill-parteċipanti ta' bejn 16 u 25 sena huma 77% li jħossu li l-ekonomija tinsab f'qagħda eċċellenti, sejra tajjeb jew la tajjeb imma lanqas ħażin, b'dan il-perċentwal jinqasam hekk: 1% - Eċċellenti, 29% - Tajjeb 47% - La tajjeb imma lanqas ħażin. Huma 23% li jħossu li l-ekonomija sejra ħażin.
Tnejn fil-mija ta' dawk bejn il-25 u l-40 sena iħossu li l-ekonomija hija f'qagħda eċċellenti, 26% jaħsbu li hija f'qagħda tajba u 52% iħossu li la sejra tajjeb imma lanqas ħażin. Huma 20% biss li jaraw l-ekonomija sejra ħażin bħalissa.
B'kollox kienu 80% ta' dawk bejn il-25 u l-40 sena li jħossu illi l-ekonomija din is-sena hija f'qagħda eċċellenti/tajba/mhux ħażin.
Intant mistoqsijin kif inhi l-qagħda finanzjarja tagħhom issa kkumparat mas-sena l-oħra, 42% ta' dawk bejn s-16 u l-25 sena wieġbu 'aħjar' - li hija żieda ta' 12% mill-2020 filwaqt li 35% wieġbu 'l-istess'. Ftit inqas minn wieħed minn kull erbgħa, jew inkella 23%, qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija 'agħar'.
Għal dawk li huma bejn 25 u 40 sena - u allura dik il-parti tal-popolazzjoni li daħlet iktar fil-qasam tax-xogħol - 46% huma pożittivi dwar il-flus fil-but din is-sena kkumparat mal-2020 - b'żieda ta' 15%. Dan filwaqt li 38% jħossu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija l-istess. Huma 16% biss li qalu illi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-agħar.
Il-Governanza titla' fil-prioritajiet
Intant il-parteċipanti kienu mistoqsijin liema għandhom ikunu l-prioritajiet tal-Gvern fl-investiment, bl-ewwel priorità mill-ġdid tkun waħda relatata mal-ambjent: It-tnaqqis fit-tniġġis u l-immaniġjar tal-iskart.
Il-governanza telgħet żewġ postijiet mill-2020, biex minflok ir-raba', il-parteċipanti issa poġġewha bħala t-tieni priorità f'termini ta' investiment mill-Gvern.
'Mhux se nagħmlu mirakli ... imma mexjin fit-triq it-tajba'
Fuq dawn iċ-ċifri l-gazzetta ILLUM staqsiet lill-MInistru Aaron Farrugia jinkwetax u jħossx li numri bħal dawn jindikaw falliment fl-ambjent.
'Pjuttost il-kontra," jibda jwieġeb il-Ministru li jirrimarka illi l-fatt li ż-żgħażagħ qed itellgħu din il-kwistjoni tant 'il fuq fl-aġenda tagħhom ifisser li hu bħala Ministru jista' jagħmel aktar pressjoni fuq il-Gvern biex jattwa u jinvesti aktar fl-ambjent.
Farrugia sostna li dak li qed naraw madwarna huwa frott ta' 70 sena, mhux ta' sena u nofs jew ta' issa biss u qal li fl-aħħar mill-aħħar għad-degradazzjoni ambjentali "aħna lkoll responsabbli."
Huwa jgħid iżda li l-Gvern jifhem din il-preokupazzjoni u jisħaq li "ninsabu fit-triq it-tajba. Naturalment ma jfissirx li se nagħmlu l-mirakli, imma qed naħdmu. Fil-bidla fil-klima qed nagħmlu bidliet kbar," jgħid il-Ministru, bil-gazzetta twaqqfu u titolbu jelenka għal-liema bidliet qed jirreferi.
Huwa semma' l-inizzjattivi biex aktar nies jixtru karozzi elettriċi - fosthom f'dan il-Baġit illi fih il-Gvern ħabbar illi l-għotja finanzjarja għax-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku jew inkella Plug-In Hybrids, żdiedet bi €3,000 minn l-għada tal-baġit. Minn €8,000 għal xiri ta’ karozzi elettriċi jew plug-in hybrids din telgħet għal €11,000, u titla’ sa €12,000 f’każ li tiġi wżata l-iskema tal-iskrappjar.
Semma wkoll il-Low Carbon Development Strategy, skemi ta' retrofitting u anke l-miżura ta' trasport pubbliku b'xejn biex aktar nies jitħajru jużawh u jħallu l-karozza d-dar.
"Fl-immaniġġjar tal-iskart għamilna rivoluzzjoni - sa ftit żmien ilu konna nitfgħu ż-żibel kollu f'miżbla...irranġajna u għamilna Park minflok il-miżbla f'Wied Fulija u anke il-Qortin. Għaddejjin bi proġetti ta' tħaddir urban fil-Ħamrun, Ħal Qormi, Ħaż Żabbar u l-Mosta. Għaddejjin bix-xogħol fi ġnien Romeo Romano, fi Ġnien Spencer fil-Marsa...hawn proġetti ambjentali għaddejjin kullimkien," irrimarka Farrugia.
F'dan il-punt huwa jirrimarka u jammetti illi l-aktar punt kontroversjali jibqa' l-ippjanar. "Iż-żewġ partiti qed jaqblu li l-Pjani Lokali tal-2006 mhux se jbiddluhom... u ifhem mhux faċli tagħmilha!" Farrugia qal li kien hemm min mar jieħu self minn bank għax ħaseb li fuq dik l-art li nfetħitlu għall-iżvilupp se jtella' blokka ta' erba' sulari. "Min jiena, jien - 15-il sena wara - biex ngħidlu issa insa kollox ma tistax tibniha?"
Huwa temm jgħid li iżda "qed nibnu ikrah" u allura sostna li qed jimbutta politika dwar l-estetika li tkun ħafna iktar komprensiva.
"Imma jekk hawn xi ħadd qed jaħseb li partit jew ieħor se jwaqqaf l-iżvilupp, insewha."
'Frott snin ta' edukazzjoni favur aktar għarfien u sensittività lejn l-ambjent'
Id-Dekan u Professur Andrew Azzopardi sostna illi din l-istatistika turi li ż-żgħażagħ huma l-aktar qrib l-ambjent jew inkella l-aktar li qed ikunu impattati minnu, anke hekk kif qed ifittxu biex jixtru proprjetà per eżempju. Huwa ammetta wkoll mal-ILLUM li dan huwa suġġett li sar ħafna aktar attraenti minn qabel, anke minħabba ħemel ta' dokumentarji u għarfien fuq it-TV, Netflix u aktar.
"Pero' dawn in-numri huma wkoll frott snin ta' għarfien u edukazzjoni fl-iskejjel. Illum qed naqtgħu dan il-frott," qal Azzopardi li sostna wkoll illi ħafna żgħażagħ iħarsu lejn il-politika minn ottika kompletament differenti mill-partiġġjaniżmu ta' ġenerazzjonijiet aktar anzjani. "Għalihom is-suċċess huwa aktar ibbażat fuq, per eżempju, kif sejjer l-ambjent f'pajjiżna."
Id-Dekan tal-Fakultà tal-benesseri soċjali saħaq illi ż-żgħażagħ huma ħafna iktar kritiċi u jevalwaw ħafna iktar, milli bosta jimmaġinaw. "Huwa għalhekk li nemmen li għandhom jikkontestaw l-elezzjoni għax il-korruzzjoni u l-problemi li kellna mhux iż-żgħażagħ għamluhom."