L-Ombudsman jiftaħ investigazzjoni dwar it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Din l-investigazzjoni nfetħet fuq inizjattiva tal-Ombudsman stess wara diversi rapporti, inkluż mill-gazzetta ILLUM li jallegaw amministrazzjoni ħażina f’din il-faċilità

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ħabbar li beda investigazzjoni dwar it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-investigazzjoni nfetħet fl-4 ta’ Novembru 2021 minħabba "l--possibbiltá ta’ malamministrazzjoni sistemika fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin."

Fil-fatt, din l-investigazzjoni nfetħet fuq inizjattiva tal-Ombudsman stess wara diversi rapporti, inkluż mill-gazzetta ILLUM li jallegaw amministrazzjoni ħażina f’din il-faċilità.

Fil-5 ta’ Novembru 2021, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ġie infurmat b’din l-investigazzjoni. Minkejja dan, Dalli ma ġiex sospiż immedjatament.

Alex Dalli "ssospenda lilu nnifsu" ilbieraħ wara li priġunier ieħor għamel suwiċidju. Dan kien it-tielet suwiċidju din is-sena u l-erbatax-il mewta fi żmien l-amministrazzjoni ta' Dalli.

Ta' min ifakkar li bħalissa, il-Pulizija qed tinvestiga l-istorja li ppubblikat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li d-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, allegatament, ġieli hedded priġunieri b'arma tan-nar. Ikkonferma dan l-eks gwardjan Emmanuel Cassar.

Għaddejja wkoll inkjesta ministerjali mitluba mill-Ministru Byron Camilleri.

Kampanja: Inwaqqfu l-ħniżrijiet f'Kordin

Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din mhijiex biss ġlieda tal-gazzetta ILLUM imma hija ġlieda favur id-dinjità umana u kontra l-ħniżrijiet li għaddejin f'Kordin. Ibgħatu d-donazzjonijiet tagħkom lill-gazzetta ILLUM. Tistgħu tagħmlu dan permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji:

Benefiċjarju:    MediaToday Company Ltd                           

Bank:         Bank of Valletta p.l.c.                         

SWIFT Code:  VALLMTMT                           

IBAN: MT71VALL22013000000040013525383

jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016. 

Il-gazzetta ILLUM għaddejja wkoll b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/ 3 jew 21382745 / 6. 

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.

More in Politika