Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u qed takkużaha li naqqset milli tapplika b’mod korrett id-Direttiva dwar l-Għasafar, b’mod partikolari meta awtorizzat l-insib għall-isponsuni għal skopijiet ta’ riċerka.
Id-Direttiva dwar l-Għasafar tirrikjedi sistema ġenerali ta' protezzjoni għall-għasafar selvaġġi u tippermetti derogi dwar il-kaċċa u l-insib biss meta dawn ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet stretti.
Mhux l-ewwel darba li l-kwistjoni dwar l-insib tal-isponsuni kienet suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur. Lura fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat deroga tal-insib simili bħala illegali.
Malta kienet marbuħa li ma terġax tiftaħ l-istaġun.
Madanakollu, spjegat il-Kummissjoni, Malta reġgħet awtorizzat l-insib tal-insponsuni billi invokat dispożizzjoni ta’ deroga oħra, jiġifieri dik li titkellem dwar insib għal skopijiet ta’ riċerka.
“Il-Kummissjoni tqis li, minkejja li l-objettiv iddikjarat hu wieħed ta' “riċerka”, bosta elementi jindikaw li l-iskema, fil-prattika, tippermetti li għadd kbir ta' għasafar jinqabdu mingħajr ma jiġu rrapportati, li jmur kontra l-kundizzjonijiet stretti għad-derogi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar,” spjegat il-Kummissjoni.
Propju għalhekk li f’Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtat ittra ta’ twissija lil Malua u ittra oħra f’Ġunju tal-2021.
“Minkejja li Malta ħassret il-leġiżlazzjoni inkriminata fil-bidu ta' Ottubru, ma warrbitx it-tħassib tal-Kummissjoni: il-liċenzji għall-insib għall-istaġun tal-2021 kienu diġà ntħarġu abbażi tal-qafas mħassar fl-202, u r-regoli l-ġodda li ġew adottati malajr kellhom biss emendi minuri meta mqabbel mar-reġim legali preċedenti,” kompliet il-Kummissjoni.
Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx it-tweġiba ta’ Malta u ddeċidiet li tieħu lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Intant, immedjata kienet ir-reazzjoni ta' BirdLife Malta li talbet lill-Gvern biex jagħlaq minnufih l-istaġun tal-insib "taħt il-paraventu" ta' riċerka.