Okolo Okwudili ma nstabx ħati, wara vot unanimu fil-ġuri, li fih kien qed ikun akkużat li qatel lill-ħabib tiegħu Joseph Ezechi.
Ezechi miet wara daqqa ta’ sikkina f’appartament fil-Qawra fl-2020.
Il-ġurati semgħu kif Ezechi wasal Malta mill-Italja ftit snin qabel il-qtil biex isib ix-xogħol u anke biex ikun jista’ jibgħat il-flus lil martu, fin-Niġerja.
L-Avukat ta’ Okwudili, Joseph Mifsud, argumenta li l-klijent tiegħu ta daqqa ta’ sikkina lill-vittma biex jiddefendi lilu nnifsu wara argument bejniethom fuq xirja.
Fix-xhieda tiegħu, Okwudili qal li Ezechi beda jagħtih daqqiet ta’ ponn b’arma tal-ħadid u li kieku ħallih kien jispiċċa joqtlu. Kien hawn li tah daqqa ta’ sikkina.
Fil-Qorti nstema’ wkoll kif il-mara tal-vittma welldet it-tarbija tagħhom, fin-Niġerja, dakinhar stess li żewġha nqatel.
Fil-fatt, hija ċemplet lil żewġha biex tagħtih l-aħbar iżda kien diġà mejjet.
Okwudili nħeles mill-akkużi kollha kontrih.