L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli għall-ekonomija ta' pajjiżna. Dan minkejja l-impatt tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi.
Il-Gvern fi stqarrija nnota kif l-aġenzija mhux talli kkonfermat ir-rating tajjeb ta’ pajjiżna, talli tejbet it-tbassir tagħha għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla. "Filwaqt li aktar kmieni din is-sena kienu qed ibassru li fl-2022 l-ekonomija se tikber bi 3.9%, issa qed ibassru tkabbir ta’ 6.1%," qal il-Gvern.
Dan filwaqt li qed jipprevedu li din is-sena l-ekonomija tagħna tkun kibret b’5.7%.
Dan l-irkupru hu dovut - skont Fitch - għal diversi fatturi, imma dak prinċipali hu l-programm ta’ vaċċinazzjoni, li fih Malta tinsab fuq quddiemnett.
Fitch innutat ukoll kemm baqa’ b’saħħtu s-suq tax-xogħol u kif dan qed iwassal għal livell tajjeb ta’ konsum u ta’ investiment.
"Filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jsostnu li l-Gvern qed iberbaq il-flus u s-sitwazzjoni fiskali mhix sostenibbli, l-esperti ta’ Fitch ibassru li d-defiċit din is-sena ser ikun anqas milli qed ibassar il-Gvern.," innutat l-istqarrija hekk kif Fitch rrivedew ’l isfel it-tbassir tagħhom għad-defiċit fl-2021.
Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-rapport ta’ Fitch Ratings jinnota li pajjiżna qed jirnexxilu jikkontrolla l-pressjonijiet li ġejjin mis-swieq internazzjonali, filwaqt li jinnotaw kif il-Gvern huwa kommess li jżomm il-prezzijiet baxxi , tant li ħabbar tnaqqis fid-dazju għall-petrol u diesel ta' 27% u 20% rispettivament.
Il-Gvern fl-istqarrija tiegħu jinnota kif barra li tfaħħar l-andament ekonomiku, ir-rapport tal-aġenzija ta’ kreditu fih "ċertifikat pożittiv ħafna" għall-pjan ta’ rkupru u reżiljenza li ppreżenta l-Gvern. L-istess aġenzija ssemmi l-FATF u tgħid li għalkemm il-fatt li Malta tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża għadha ma mpattatx lill-ekonomija lokali nnutat r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u l-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna joħroġ mil-Lista l-Griża.
"Iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings hu konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza li ser jipprovdi pedament sod għat-tkabbir b’saħħtu ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin," temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern.