'In-nisa jixirqilhom aħjar' - Moviment Graffitti jfakkru l-vittmi tal-femiċidju f'Malta
Il-Moviment Graffitti jiftakar fil-vittmi tal-femiċidju fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal- Vjolenza fuq in-Nisa.

minn Marianna Calleja

Il-Moviment Graffitti qed ifakkar il-vittmi tal-femiċidju f’Malta fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa b’jumejn ta’ attivitajiet li jenfasizzaw iċ-ċiklu kontinwu ta’ vjolenza – fiżika, domestika, psikoloġika u emozzjonali – li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa.
Illum, il-Moviment Graffitti flimkien ma’ attivisti tal-Young Progressive Beings u Women’s Rights Foundation tellgħu l-prestazzjoni “L-istupratur huwa int” bħala parti mid-dimostrazzjoni ‘No Excuse for Violence and Abuse’ li saret barra l-Qrati tal-Ġustizzja fil-Belt Valletta.
"Ma kienx tort tiegħi, ma kienx ħtija ta’ fejn kont, jew il-ħwejjeġ li kont liebsa," kienet linja ewlenija minn din il-prestazzjoni li tiddiskuti l-fenomenu mifrux tat-tort li jingħata lill-vittmi. L-għajta tan-nisa ta’ “L- istupratur huwa int” oriġinat fiċ-Ċilì u hija diretta wkoll lejn is-soċjetà u l-istituzzjonijiet, li huma wkoll ħatja talli naqsu milli jittrattaw is-suġġett tal-vjolenza fuq in-nisa bl-urġenza li jeħtieġ.
Dan kien rifless ukoll fil-konklużjonijiet ta’ rapport ta’ kundanna maħruġ mill-Kunsill tal-Ewropa li akkuża l-awtoritajiet Maltin fosthom il-pulizija u l-ġudikatura għall-insensittività tagħhom lejn in-nisa u każijiet ta’ abbuż domestiku jew sesswali.

L-attivisti libsu wkoll maskri miksija bid-demm biex ifakkru li l-femiċidju jsikket lin-nisa bl-aktar mod vjolenti, u ġarrew kartelluni bl-ismijiet ta’ 16-il mara maqtula f’Malta minħabba l-ġeneru tagħhom mill- 2010. Iż-żraben esebiti issimbolizzaw nisa li sfaw nieqsa.
Illum, il-Moviment Graffitti qed jorganizza open mic bit-titlu There’s Power in her Words. In-nisa ġew mistiedna jaqsmu kliem b’saħħtu biex joħolqu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet li jaffaċċjaw.
“Is-soċjetà qed tkompli tiċħad il-mikroaggressjonijiet misoġini u tqishom trivjali. Inkomplu naċċettaw imġieba sessista għax ‘is-subien subien jibqgħu’. Ma nikkundannawhiex meta nkunu fil-kumpanija ta’ ħaddieħor. Inkomplu ninsistu li ‘dejjem trid tisma’ ż-żewġ naħat tal-istorja,’” qal il-grupp fi stqarrija. “Madankollu, il-qtil ta’ Sarah Everard f’Marzu 2021 fir-Renju Unit inħass madwar id-dinja kollha. Il-qtil fakkarna għaliex in-nisa madwar id-dinja kollha, inkluż f’Malta, għadhom jimxu lejn id-dar biċ-ċwievet bejn għakshom. Is-soċjetà għadha tirrifjuta li tagħmel konnessjoni bejn mikroaggressjonijiet misoġini u dawn il-vjolazzjonijiet estremi.”

“Fost istituzzjonijiet tal-midja Maltija, għadna naraw imġieba sessista fuq l-iskrins tat-televixin tagħna, aħbarijiet sessisti u rappurtar li jibbanalizza każijiet sensittivi fil-qorti relatati mal-abbuż tan-nisa u l- poter.”
L-organizzazzjoni innotat kif huwa biss wieħed minn kull tliet attakki sesswali li jiġu rrappurtati lill- pulizija, bil-vittmi kultant konxji li jistgħu jsofru l-mistħija, il-ħtija u t-trawmatizzazzjoni mill-ġdid. "Minflok ma jadottaw pożizzjoni ta' tolleranza żero lejn il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, l-infurzar tal- liġi u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jagħmluha diffiċli għan-nisa biex isibu ġustizzja u appoġġ."
“Dawn mhumiex eċċezzjonijiet, iżda sintomi ta’ soċjetà li tirrifjuta li taċċetta n-nuqqasijiet tagħha meta tiġi biex telimina l-vjolenza fuq in-nisa. Dan jiddependi wkoll mit-tmiem tal-kultura dominanti tal-patrijarkat. In-nisa jixirqilhom aħjar.”

