Jitlesta l-proġett ta’ riġenerazzjoni fil-housing soċjali ta’ Ħal Mula

Mill-programm ta’ xogħlijiet tal-2020 tlestew għal kollox il-blokok li jinsabu r-Rabat, iż-Żejtun, Bormla, San Ġiljan, Santa Luċija u s-Siġġiewi

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, żar il-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ, hekk kif tlesta proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ 14-il blokka li fihom jgħixu 84 familja permezz ta’ investiment ta’ madwar €527,788. 

Il-Ministru Galdes ddeskriva l-binjiet eżistenti ta’ housing soċjali bħala “riżorsi li qegħdin hemm biex jifdu l-bżonnijiet li jiżviluppaw fis-soċjetà, ġenerazzjoni wara l-oħra. Għalhekk ma jkunx jagħmlilna ġieħ li nitilquhom. Li nitilqu l-bini tal-housing soċjali, ikun ifisser li aħna lkoll inkunu tlifna.”

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni jifforma parti minn inizjattiva usa’ ta’ tiswijiet, xogħlijiet strutturali u rijabilitazzjoni ta’ binjiet pubbliċi li nbnew għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-perjodu ta’ wara t-tieni gwerra dinjija. Fil-fatt dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’intervent fuq is-soqfa kemm fejn għandu x’jaqsam il-water proofing ta’ bjut u parapetti kif ukoll tibdil fit-travi tal-metall. Apparti dan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, wettaq xogħlijiet oħrajn ta’ tibjid minn ġewwa u minn barra, titjib tas-sistema elettrika u tibdil fl-alluminju f’diversi blokok. 

Il-Ministru Roderick Galdes tenna li “dawn l-14-il blokka kienu parti minn proġett ta’ 19-il blokka li nbnew fl-istess perjodu li kien l-akbar proġett soċjali minn żmien l-Indipendenza. Li jfakkarni għalhekk kif aħna llum qegħdin nagħmlu l-akbar proġett soċjali mis-snin 70 ’l hawn bil-bini ta’ 1,700 dar ġdida tal-akkomodazzjoni soċjali li se jagħtu ħajja ġdida u ċans għal futur diċenti lil eluf ta’ familji Maltin.”

Mill-programm ta’ xogħlijiet tal-2020 tlestew għal kollox il-blokok li jinsabu r-Rabat, iż-Żejtun, Bormla, San Ġiljan, Santa Luċija u s-Siġġiewi. Mill-programm tal-2021 sa issa tlestew ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bjut u x-xogħol ta’ kisi u tibjid fil-komun tal-blokok li jinsabu l-Birgu, San Ġwann, Santa Luċija u Ħal Luqa. F’dawn il-blokok baqa’ pendenti xi xogħol fuq l-installar ta’ intercoms, kaxxi tal-ittri, meter cupboards u xogħol ta’ aluminju filwaqt li f’qasir żmien ħa jibda x-xogħol ta’ tisbieħ fuq il-faċċati. Sa issa ġew irriġenerati kważi n-nofs ta’ ’l fuq minn 1000 blokka ta’ housing soċjali. 

More in Politika