Hyzler isib ksur ta' etika mill-Ministru Justyne Caruana
... dan fuq il-kuntratt ta' €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic
More in Politika
... dan fuq il-kuntratt ta' €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic
Il-Ministru Justyne Caruana tinstab li kisret il-kodiċi tal-etika fuq il-kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic. Dan hekk kif ir-rapport ta’ investigazzjoni, mill-Kumissarju tal-Istandards George Hyzler fuq il-Ministru, ġie sottomess lill-Kumitat Permanenti tal-Kamra tad-Deputati dwar l-Istandards tal-Ħajja Pubblika.
Bħala prassi, meta issir investigazzjoni, ir-rapport bil-konklużjonijiet jiġi ppubblikat mingħajr ma jiġi rivedut minn Kumitat Parlamentari u għaldaqsant, dan ifisser li ma jkunu nstabu l-ebda' rregolaritajiet. F’dan il-każ iżda għax instabu rregolaritajiet il-Kummissarju ħalla f’idejn il-Kumitat Permanenti tal-Parlament biex jiddeċiedi hu jekk dan ir-rapport għandux jiġi ppubblikat jew le.
Sadanittant, il-kandidat Indipendenti Arnold Cassola saħaq li din, “hija traġedja li l-etika fil-politika Maltija m’għadhiex teżisti u agħar minn hekk li din l-imġieba ġiet normalizzata.”
Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM proprju staqsiet lil Cassola jekk il-politiċi Maltin għandhomx etika. Għal dan huwa wieġeb li filwaqt li wieħed ma jistax jitfa’ lill-politiċi f’keffa waħda, jgħid li hemm politiċi li għandhom sens ta’ etika, li jżommu mar-regoli u għandhom valuri. Minkejja dan Cassola qal li hemm oħrajn li għalihom xejn mhu xejn u l-uniku valur għal ħafna hu dak tal-flus u materjaliżmu.
“Joseph Muscat żied din il-mentalità bil-kbir. Rawwem ġenerazzjoni żagħżugħa, mhux biss ta’ politiċi, li għalihom l-importanti li jidhru. Għalhekk għandna dik il-ġenerazzjoni ta’ politiċi arroganti bħalma huma; Ian Borg, Rosianne Cutajar u Silvio Schembri. Dan jinkludi wkoll lil Justyne Caruana, li b’arroganza impjegat lill-ħabib tagħha,” sostna Cassola fl-intervista.