Il-Ministru Justyne Caruana qalet li hi għad ma għandhiex ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards f'idejha u allura ma tistax tgħaddi kummenti dwar x'se tagħmel jew ma tagħmilx f'każ illi jinstab li kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic. Is-sit illum.com.mt staqsa lil Caruana, l-ewwelnett hijiex infurmata bil-kontenut tar-rapport, bit-tweġiba tkun fin-negattiv.
Imbagħad dan is-sit staqsa jekk jinstab ksur ta' etika minn naħa tagħha, titfax ir-riżenja, bit-tweġiba tkun illi ladarba hi ma tafx x'hemm fir-rapport ma tistax tgħaddi kummenti f'dan l-istadju.
Il-Ministru Justyne Caruana instabet ħatja li kisret il-kodiċi tal-etika hekk kif ir-rapport ta’ investigazzjoni, mill-Kumissarju tal-Istandards George Hyzler fuq il-Ministru, ġie sottomess lill-Kumitat Permanenti tal-Kamra tad-Deputati dwar l-Istandards tal-Ħajja Pubblika. Bħala prassi, meta issir investigazzjoni, ir-rapport bil-konklużjonijiet jiġi ppubblikat mingħajr ma jiġi rivedut minn Kumitat Parlamentari u għaldaqsant, dan ifisser li ma jkunu nstabu l-ebda' rregolaritajiet. F’dan il-każ iżda għax instabu rregolaritajiet il-Kummissarju ħalla f’idejn il-Kumitat Permanenti tal-Parlament biex jiddeċiedi hu jekk dan ir-rapport għandux jiġi ppubblikat jew le.
Sadanittant, il-kandidat Indipendenti Arnold Cassola - li kien fetaħ l-ilment mal-Kummissarju tal-Istandards - saħaq li din, “hija traġedja li l-etika fil-politika Maltija m’għadhiex teżisti u agħar minn hekk li din l-imġieba ġiet normalizzata.”