Intervista | 'L-Awtorità tal-Ippjanar il-Gvern biddilha f'Awtorità tal-Permessi, permessi bħall-pastizzi!'
F'Għawdex l-iżvilupp għaddej ġmielu iżda mal-ILLUM Chris Said jirrifjuta li jaċċetta l-kritika tal-Gvern li dan l-iżvilupp huwa frott policies ta' Gvern preċedenti. Huwa jħalli tieqa mbexxqa biex il-proġett tal-mina ma jsirx u jgħid li ħafna mill-impjiegi li nħolqu qed iħallsu pagi baxxi...
minn Albert Gauci Cunningham
Numru ta' Ħdud ilu din il-gazzetta intervistat lill-Ministru Clint Camilleri dwar is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, infrastrutturali u aktar ta' Għawdex. Ġimgħa wara li din l-istess gazzetta ħarġet sondaġġ li wera' li Camilleri u Chris Said huma l-aktar kandidati Għawdxin popolari mal-votanti tat-13-il distrett, kien imiss issa li nintervisaw lill-eks Ministru ta' Għawdex u llum kelliem tal-PN għal dan is-suġġett, Chris Said.
Nibdew bil-baġit. Dan il-Gvern qed jiftaħar li dak li ħabbar f'Ottubru huwa "baġit rekord" għal Għawdex. Kif jara li dan il-baġit huwa differenti, aħjar jew kif jitqabbel ma' baġits ta' Gvernijiet Nazzjonalisti?
Said jgħid illi l-ewwel u l-akbar differenza hija dik illi kuntrarjament għal baġits preċedenti ma kienx hemm kapitlu wieħed li jitratta lil Għawdex kif jisħaq illi kien jiġri kważi dejjem f'kull baġit. "Minflok Għawdex issemmiet ftit 'l hawn u 'l hemm," qal Said mal-ILLUM li kompla jispjega illi mhu minnu xejn li dan huwa baġit rekord għal Għawdex għax jinsisti illi filwaqt li qabel Għawdex kien jieħu mat-2.5% tal-Baġit kollu, bħala medja, issa din il-medja niżlet għal taħt il-1% - jgħid il-Kelliem tal-PN. "Il-fatti qed jitkellmu waħedhom dwar kemm huwa rekord, għaliex Għawdex qed jieħu inqas minn nofs dak li kien jieħu qabel mill-Baġit."
'Qabel il-Kunsilli kienu jagħmlu t-toroq...'
Il-Gvern jiftaħ diversi proġetti ta' toroq ukoll, prattikament kull ġimagħtejn u l-Kmamar tal-Aħbarijiet ta' sikwit jirċevu stqarrijiet dwar toroq li jkunu qed isiru. Imma Said jirrikonoxxi dan? Jirrikonoxxi li qed isir ħafna xogħol infrastrutturali f'Għawdex?
Huwa jisħaq li taħt Gvern Nazzjonalista t-toroq residenzjali kienu jsiru mill-Kunsilli Lokali, "għax aħna nemmnu fis-sussidjarjetà, jiġifieri li l-poter ikun diċentralizzat - u allura tajna l-poter lill-Kunsilli Lokali biex jagħmlu t-toroq huma."
Huwa qal li dan il-Gvern ħa dan il-poter minn idejn il-Kunsilli Lokali u minflok meta tinfetaħ xi triq l-Għarb jew l-Għasri, jibgħat PRs u joħroġ l-istqarrijiet. "Il-Gvern preżenti triq waħda biss qed jibni, dik li minn Nadur tieħdok l-Imġarr - u ilha erba' snin magħluqa! Diġà għaddew erba' Ministri - Refalo, Caruana u issa Camilleri u għadha magħluqa" sostna Said. Huwa qal illi b'differenza għal dan, taħt Gvern preċedenti nbnew mill-ġdid - u mhux sempliċiment sar il-wiċċ - diversi toroq u jsemmi dik ta' Ta' Pinu, tad-Dwejra, tax-Xlendi, dik li mir-Rabat tieħdok sa San Lawrenz u anke dik li mix-Xewkija tieħdok ir-Rabat, apparti li jelenka numru ta' toroq li saru fir-Rabat stess.
'L-ekonomija Għawdxija ma tistax tibqa' tiddependi kważi mit-turiżmu biss'
Waqt il-pandemija t-turiżmu f'Għawdex ra spinta qawwija, anke għax ħafna nies ippreferew imorru sa Għawdex minflok jieħdu r-riskju u jsiefru. Kemm jinkwieta illi meta tgħaddi l-pandemija Għawdex jaf jieħu daqqa fit-turiżmu?
Huwa sostna li t-turiżmu intern huwa importanti ħafna u importanti li l-Għawdxin jieħdu ħsiebu, imma sostna wkoll li jibża' illi 50% tal-Prodott Gross Domestiku Għawdxi huwa ġej mit-turiżmu. Said qal li dan juri illi l-ekonomija Għawdxija mhijiex diversifikata biżżejjed bħal ma hi dik ta' Malta, li jfakkar illi 20% minnha tiddependi mit-turiżmu.
"Għalhekk nemmnu li huwa nuqqas tal-Gvern li mhuwiex qed jiddiversifika biżżejjed l-ekonomija Għawdxija u fil-fatt fl-aħħar snin ma rajniex niċeċ ekonomiċi ġodda. Meta naraw x'niċeċ ġodda jeħtieġ li niftħu u nattiraw f'Għawdex ma nsibu xejn f'dan il-Baġit," qal id-Deputat Għawdxi.
Huwa reġa' insista li l-ekonomija Għawdxija ma tistax tibqa' tiddependi kważi biss fuq it-turiżmu u li l-Għawdxin li jixtiequ xogħol tajjeb b'paga tajba - għaliex jisħaq li ħafna drabi l-pagi fit-turiżmu mhumiex tajbin - qed ikollhom jinżlu Malta. "Bħalissa hawn madwar 4,000 Għawdxi li qed jaħdmu Malta - li jfisser kważi t-tripplu ta' dak li kien hemm qabel... u fl-istess waqt il-Gvern mhu jagħmel xejn biex jindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'Għawdex, fejn il-paga medja għadha madwar €2,400 fis-sena, inqas milli hija f'Malta. "
Huwa qal li minn naħa l-oħra l-Gvern jiftaħar li llum hemm numru rekord ta' impjiegi li qed jinħolqu f'Għawdex, iżda jirrimarka li n-nurmu ta' ħaddiema barranin fuq din il-gżira żdied minn madwar 500 fl-2012 għal 4,000 din is-sena. "Jiena mhux qed ngħid li ħażin li nħoloq ix-xogħol u qed jaħdmu l-barranin, imma qed nistaqsi għand min marru dawn l-impjiegi ġodda? Marru għand il-barranin, f'setturi fejn il-pagi mhumiex daqstant tajbin. Aħna rridu li f'Għawdex jinħoloq ix-xogħol u xogħol li jħallas tajjeb," insista Chris Said mal-ILLUM.
Imma l-PN jaqbel mal-mina jew le?
Induru fuq kwistjoni li issa ilha titqajjem u li magħha tqajjem ħafna dikussjoni u kontroversja. Il-politiċi l-Għawdxin - kemm il-Ministru Clint Camilleri imma anke Said, filli jgħidu li jridu Għawdex għaliha, destinazzjoni għaliha u anke reġjun għalih u filli jridu li Malta u Għawdex ikunu ħaġa waħda. Xi trid eżatt l-Oppożizzjoni? Taqbel jew le mal-mina?
Chris Said jibda billi jgħid illi għal Għawdex u l-Għawdxin il-konnettività hija kollox, għaliex il-gżira tiddependi minn konnettività tajba. Huwa jgħid li kien propju għalhekk li meta kien fil-Gvern il-PN xtara tliet vapuri ġodda u sar investiment fit-terminal tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, fost affarijiet oħrajn. Huwa qal li kuntrarjament għal dan - Gvern Laburista xtara vapur "tas-second hand" li jisħaq illi tant huwa antik, li lanqas biss jista' jiġi rreġistrat taħt il-bandiera Maltija."
Huwa qal li issa l-PN qed jipproponi żewġ vapuri ġodda, li wieħed minnhom ikun għall-merkanzija u jgħaqqad lill-Port il-Kbir maċ-Ċirkewwa.
"Issa dwar il-mina aħna qed ngħidu li jekk isiru l-istudji kollha meħtieġa - u aħna nemmnu li mhix qed isiru - u wara li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u l-Għawdxin jingħataw l-istampa kollha, dawn jintalbu jagħżlu permezz ta' referendum," qal Chris Said.
Huwa kkritika lill-Gvern għax - skont hu - l-ewwel jgħid li għandu l-pjanijiet għall-mina u fl-istess ħin "nesa' lil Għawdex mill-proġett tal-metro."
Jgħid illi l-PN lest jikkunsidra kull proposta jew miżura li hija magħmula biex ittejjeb il-konnettività bejn il-gżejjer.
Imma l-gazzetta ILLUM tfakkru illi llum diġà hemm fast-ferry (żewġ servizzi), il-vapuri tal-Gozo channel u issa ż-żewġ partiti qed iwegħdu l-air link ukoll, apparti ovvjament il-mina. U dan għal bejn wieħed u ieħor 4,000 persuna li minnhom madwar 3,000 jaqsmu kuljum. Allura wieħed irid jistaqsi: Kemm se tkun vijabbli mina? U allura biex tkun vijabbli mhux aktar karozzi trid? U allura ma għandux raġun min jgħid li l-mina se tkun ir-rovina ta' Għawdex?
Said iwieġeb li huwa propju għalhekk li hemm bżonn isiru l-istudji kollha bil-konklużjonijiet li jiġu kkomunikati lill-pubbliku. "Jekk naraw li hemm aktar negattiv milli pożittiv, mela ngħidu le ma ssirx il-mina. Naraw x'inhuma l-għażliet kollha u nimxu minn hemm."
Said qal iżda li żgur li l-ewwel li jrid isir huwa li jitneħħa n-Niklaus u minfloku jsir vapur ġdid u vapur ieħor għall-merkanzija. "Qabel kien hemm servizz għall-merkanzija minn Sa Maison, u l-Gvern ilu jgħid li se jerġa' jibdieh iżda sa issa għadu ma għamel xejn," sostna Said.
'Li twaħħal fil-PN - li kien l-aħħar fil-Gvern disa' snin ilu - ma tagħmilx sens'
U ladarba semmejna l-mina u l-effetti ambjentali l-gazzetta ILLUM tirreferi għall-kummenti ta' bosta u anke tal-Ministru Camilleri mal-gazzetta ILLUM. Ta' sikwit issir il-kritika li Għawdex qed timtela' krejnijiet u l-iżvilupp qed jiżdied kullimkien, b'effetti li jafu jħallu lil Għawdex qisha Malta oħra. Il-Ministru u l-Gvern iweħħel f'policies li kienu saru taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, iżda Said mill-ewwel jirifjuta dan l-argument.
"L-Awtorità tal-Ippjanar biddilha f'Awtorità tal-Permessi, permessi bħal pastizzi u huwa dan li qed jiġri f'Għawdex," beda jwieġeb mal-ILLUM.
Huwa fakkar li s-Sindki kollha Għawdxin ingħaqdu kontra r-rata ta' żvilupp f'Għawdex - inkluż Sindki Laburisti - u lkoll qalu li r-rata ta' żvilupp f'Għawdex mhijiex aċċettabbli bħalissa u li "ma nistgħux niqbgħu sejrin b'dan ir-rittmu."
"Postijiet bħal Marsalforn u x-Xlendi tlifnihom diġà - imma hemm oħrajn li għadna fil-ħin li nsalvaw," qal Said. Huwa kompla jgħid iżda li r-responabilità tinsab fuq min qed jiggverna u mhux fuq il-PN, li jfakkar illi kien fil-Gvern disa' snin ilu.
"L-obbligu fuq min imexxi qiegħed biex jekk hemm bżonn tinbidel policy, tinbidel. Pero' l-problema lanqas hija l-policy imma kif qed jinħarġu l-permessi."
Huwa qal li l-Gvern lanqas biss implimenta rakkomandazzjoni, imqar waħda, mit-38 li s-Sindki Għawdxin ressqu dwar dan is-suġġett u f'eku ta' dak li qal il-Ministru għall-Ambjent staqsa kemm se ndumu nikkunsidraw bħala pajjiż.
"Semmejna t-turiżmu aktar kmieni u jekk Għawdex titlef l-identità tagħha tkun tilfet it-turiżmu wkoll," stqarr Said li fakkar illi kemm il-Bord tal-awtorità tal-Ippjanar kif ukoll il-membri fiha huma magħżulin mill-Gvern u allura dan ma għandu ebda skuża biex jekk irid ibiddel l-affarijiet.
"Li twaħħal fil-PN - li kien l-aħħar fil-Gvern disa' snin ilu - ma tagħmilx sens," sostna Said.
Finalment huwa jgħid li fuq livell Parlamentari l-Oppożizzjoni ħadmet qatigħ għal Għawdex - l-ewwelnett billi ressqet mozzjoni ħalli jitwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar Għawdex li huwa permanenti u allura jkun jeħtieġ li dejjem jiġi iffurmat meta tibda leġiżlatura.
Huwa qal li permezz ta' hekk l-Oppożizzjoni poġġiet lil Għawdex "fuq nett tal-aġenda Parlamentari."
Qal ukoll iżda li proposta ewlenija tal-PN hija li Għawdex isir Kunsill Reġjonali għalih li jkollu poteri eżekuttivi imma anke l-finanzi meħtieġa biex jeżerċità tali poteri.