Is-sospensjoni ta' Alex Dalli issa permanenti; Brincau jinħatar Direttur tal-Ħabs

Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hekk kif intemmet l-inkjesta ministerjali li kien ordna dwar it-tmexxija tal-ħabs

Alex Dalli mhux se jerġa' jieħu postu bħala Direttur tal-Ħabs hekk kif is-sospensjoni tiegħu issa saret waħda permanenti. Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hekk kif intemmet l-inkjesta ministerjali li kien ordna dwar it-tmexxija tal-ħabs.

Tul il-konferenza li għamel dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet din l-inkjesta u r-riformi li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ, il-Ministru faħħar kontinwament it-tmexxija ta' Dalli u l-progress li sar fil-ħabs fl-aħħar snin.

Propju għalhekk li s-sit illum.com.mt staqsa għaliex Dalli mhux se jerġa' jitpoġġa fil-pożizzjoni tiegħu, bl-uniku raġuni li jagħti l-Ministru tkun biss "it-trasparenza."

Intant, Robert Brincau issa se jkun maħtur Direttur tal-Ħabs b'mod permanenti.

Brincau ħa post l-eks Direttur kontroverjsjali Alex Dalli li kellu jwarrab wara illi fil-Ħabs seħħet l-14-il mewt minn kemm kien ilu jmexxi l-Ħabs hu. Dalli dakinhar ġie taħt pressjoni kbira minn diversi għaqdiet, fosthom il-Moviment Graffitti, biex jirriżenja wara pressjoni li kienet ilha tikber minn mezzi differenti tax-xandir, primarjament il-gazzetta ILLUM, fuq it-tmexxija ta' Dalli. 

Mal-ILLUM eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar allega illi Dalli kien idur il-Ħabs bl-arma u li darba kien saħansitra - biex ibeżża' lil ħabsi partikolari - daħallu l-arma f'ħalqu u qallu li "jaħli l-arma" fuqu. 

"Mar fuq priġunier, daħħallu l-arma f’ħalqu u wissih: jekk mhux se toqgħod ta’ nies, din fuqek naħliha," kien qal Cassar mal-ILLUM.  Sors ieħor kien saħansitra qal illi d-Direttur tal-Ħabs kien ftaħar quddiem Ministru ewlieni tal-Gvern li kien propju hedded lill-priġunier b'arma.

Brincau serva għal snin twal fis-soċjetà internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fejn bħala direttur responsabbli mill-operat tas-soċjetà mexxa numru ta’ operazzjonjiet ta’ emerġenza umanitarja anke barra l-pajjiż.

Intant, is-sit illum.com.mt staqsa wkoll lill-Ministru Camilleri għaliex qatt ma wieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar l-allegazzjonijiet li saru fuq Dalli, bil-Ministru jisħaq li hu dejjem wieġeb il-mistoqsijiet kollha, inkluż fuq il-programm Xtra mmexxi minn Saviour Balzan. 

Aqra wkoll:

More in Politika