Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, ħabbar sensiela ta’ riformi li se jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat hekk kif intemmet l-inkjesta ministerjali li kien ordna biex tinvestiga l-proċeduri u t-tmexxija tal-ħabs.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha l-Ministru tkellem biss dwar ir-rakkomandazzjonijiet u r-riformi u mhux dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta, faħħar kemm-il darba t-tmexxija tal-ħabs u anke l-ħidma li saret u kkumpara s-sitwazzjoni f’Kordin illum ma’ dik ta’ snin ilu.
Minkejja dan, il-Ministru kkonferma li issa s-sospensjoni ta’ Alex Dalli se ssir permanenti u Robert Brincau se jieħu f’idu t-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li fost oħrajn tmexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fost affarijiet oħra, l-inkjesta għamlet 32 rakkomandazzjoni. Fost dawn, il-bord saħaq li hemm bżonn sistema ta’ aktar “checks and balances” u anke ħarsien ta’ dixxiplina aktar trasparenti.
L-inkjesta rrakkomandat ukoll klassifikazzjoni aħjar bejn il-priġunieri, b’mod partikolari bejn dawk il-persuni li jkunu qed jinżammu taħt arrest preventiv u dawk li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom.
Ibbażati fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Ministru ħabbar dawn ir-riformi:
Twaqqif ta’ Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri
- Dan l-uffiċċju indipendenti se jkun responsabbli li jippromovu u jissalvagwardja d-drittijiet tal-priġunieri;
- Iwettaq spezzjonijiet regolari fil-Faċilità Korrettiva u jaħdem kuljum biex jassigura l-benessri tal-priġunieri
- L-impjegati f’dan il-Kummissarjat mhux se jkunu parti mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi
- Dan il-Kummissarju se jkun jista’ jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lit-tmexxija u jekk din ma taqbilx, jidħol il-Bord ta’ Monitoraġġ li se jkollu aktar poteri
Tisħiħ tal-Bord ta’ Monitoraġġ
- Dan il-Bord se jkollu l-poteri li jiddeċiedi u dak li jiddeċiedi hu jkun finali.
- Għalhekk dan mhux sempliċiment se jagħmel rakkomandazzjonijiet
Twaqqif taċ-Ċentru Rijabilitattiv Massimiliano Kolbe
- Dan se jkun jinkludi spazju għal 140 priġunier imqassma f’ħames sezzjonijiet.
- Se jkun għall-priġunieri li jkollhom bżonn kura jew għajnuna speċjalizzata bħala parti mill-proċess rijabilittativ tagħhom
- Għaddejja konsultazzjoni ma’ entitajiet non-governattivi li jistgħu jkunu interessati biex imexxu dan iċ-ċentru flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi Korretivi.
- Ix-xogħlijiet fuq il-bini ta’ dan iċ-Ċentru diġà beda fil-Faċilità Korrettiva
Family Room barra l-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
- Se tiġi mwaqqfa family room barra l-konfini tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin
- Din se tintuża b’mod partikolari biex il-priġunieri jkunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom barra mill-ħabs
Opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ akkreditat għall-priġunieri
- Korsijiet akkreditati ta’ livell ta’ MQF
- Dan se jvarjaw minn basic skills u anke korsijiet manwali (injam, plumbing etċ)
- Dan se jgħin lill-priġunieri jidħlu fid-dinja tax-xogħol
- Sistema se taħdem id f’id mat-tagging elettroniku tal-priġunieri li d-diskussjoni dwarha għaddejja bħalissa fil-Parlament
Il-Ministru ħabbar ukoll bidla fir-regolamenti dwar il-ħabs biex priġunier li jkunu skontaw is-sentenza, jinħelsu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul il-jum u mhux bil-lejl.
Fi kliemu, dan jagħti aktar ċans lill-eks priġunier biex isib saqajh fl-ewwel ftit sigħat kruċjali wara li jkun ħareġ mill-ħabs.