85% tal-pazjenti bil-Covid-19 f'Malta għandhom biss sintomi ħfief

Fil-jiem li ġejjin ikun magħruf jekk iż-żieda tal-każi tal-aħħar jiem kinitx riżultat tal-varjant Omicron li sal-lum għadu ma ġiex identifikat f'Malta

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci saħqet li 85% tal-pazjenti bil-Covid-19 f’Malta jew ma għandhomx sintomi, jew inkella s-sintomi tagħhom huma ħfief ħafna, fosthom xerqa. 

Gauci qalet dan ma' The Times of Malta meta kienet qed twieġeb mistoqsijiet tal-qarrejja. Dwar il-varjant Omicon, Gauci saħqet li sa issa Malta ma rreġistrat l-ebda każ, iżda insistiet li dan mistenni jitfaċċa wkoll f’Malta dalwaqt.

Fi kliemha, ir-riżultati tat-testijiet li qed isiru biex ikunu identifikati varjanti jieħdu madwar ħamest ijiem u għalhekk ma setgħetx teskludi għal kollox li ż-żieda rreġistrata fl-aħħar jiem kienet fil-fatt kawża tal-Omicron.

Madanakollu saħqet li hemm raġunijiet oħra għaliex il-każi qed jiżdiedu, fosthom il-fatt li ħafna aktar nies qegħdin issa jiltaqgħu u jitħalltu. 

Saħqet li ħafna mill-każi qed ikunu fost qraba u persuni li jgħixu flimkien u anke fuq postijiet tax-xogħol.

Mistoqsija jekk l-awtoritajiet hux qed jikkunsidraw li jdaħħlu miżuri ġodda, Charmaine Gauci saħqet li kollox jiddependi mis-sitwazzjoni fl-isptar. Insistiet li anke jekk il-pazjenti f’Mater Dei żdiedu, ħafna minn dawn iddaħħlu mhux minħabba l-coronavirus iżda minħabba raġunijiet oħra.

Kien hawn li saħqet li huwa pożittiv li ħafna qed jilqgħu l-istedina u qed jieħdu l-booster u anke dan huwa fattur importanti meta l-awtoritajiet jiġu biex jikkunsidraw miżuri ġodda.

Spjegat ukoll kif il-maġġoranza tal-pazjenti f’Mater Dei għandhom bejn l-24 u d-49 sena, jiġifieri dawk l-etajiet li għadhom ma ħadux il-booster.

Ħadd mill-pazjenti fl-ITU ma għandu aktar minn 60 sena u dan ikompli jikkonferma kemm il-booster qed iħalli riżultati pożittivi.

More in Politika