Id-Deputat Laburista Silvio Grixti jirriżenja mill-Parlament; Qed ikun investigat mill-Pulizija

L-Avukati tiegħu qalu li f'dan l-istadju ma jixtieqx jikkummenta

Id-Deputat Laburista Silvio Grixti rriżenja mill-Parlament wara li kien interrogat mill-Pulizija.

Dan ġie żvelat, ftit tal-ħin ilu mis-sit MaltaToday.

Skont l-istess rapport, Grixti jinsab fuq police bail wara li allegatament qed ikun investigat fuq ċertifikati mediċi foloz li hu ffirma. 

Mistoqsi mill-MaltaToday, Grixti qal li jinsab indispost u li l-Avukati tiegħu kienu se jitkellmu f'ismu. 

Madanakollu, l-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qalu li f'dan l-istadju, il-klijent tagħhom, ma jixtieqx jikkummenta.

Jidher li Grixti rriżenja mill-Parlament illum. Huwa kien elett fl-2017 fuq it-tielet distrett wara li kiseb 2,452 vot mal-ewwel għadd.

Dan ifisser li issa trid issir elezzjoni każwali biex jimtela' postu. 

More in Politika