Id-Deputat Laburista, Ian Castaldi Paris, saħaq li mhux se jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li ġejja. Fi kliemu, id-deċiżjoni kien diġà ħadha qabel ma ħarġu rapporti dwaru li għandu jħallas €300,000 f'taxxi u multi
"Wasal iż-żmien li l-prijoritajiet tiegħi jerġgħu jkunu l-familja u ta’ madwari li meta individwu jgħażel li jidħol jagħti servizz jerfgħu miegħu l-piż," insista d-Deputat Laburista.
Kienet il-gazzetta The Times of Malta li żvelat li d-Deputat għandu jagħti madwar €300,000 f'taxxi u penali u dan irriżulta wara li saret investigazzjoni fiskali dwaru u li fiha nstab li kellu eluf ta' ewro fi dħul mhux iddikjarat.
Fuq Facebook, Castaldi Paris saħaq li fix-xhur li ġejjin se jibqa' jirrappreżenta l-kostintwenti tiegħu.
"Għalkemm meta tintemm il-leġiżlatura se nagħmel pass lura mill-ħajja pubblika, dan ma jfissirx li mhux se nibqa’ nagħti s-sehem tiegħi biex il-Partit Laburista jibqa’ jmexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Qabel xejn għax qbadna triq tal-progress li jkun għajb jekk nitilfuha," insista d-Deputat.
Insista li "pajjiżna għandu bżonn lil Robert Abela fit-tmun," waqt li saħaq li kien hu li mexxa l-pajjiż b'viżjoni determinazzjoni fi żmien ta' sfidi bla preċedent.