Bernard Grech jisħaq li l-Gvern ta' Robert Abela ma għadux tenibbli

Huwa qal dan wara rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat fosthom dwar Deputati Laburisti u anke l-Ministru Justyne Caruana

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Gvern ta' Robert Abela jinsab f'kollass totali u ma għadux tenibbli.

"Xibka ta’ kriminalità li qed tikkrolla biċċa biċċa u m’għadhiex tenibbli," kiteb Grech fuq Facebook.

Dan wara rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat, fosthom dwar ir-riżenja tad-Deputat Laburista Silvio Grixti, li qed ikun akkużat mill-Pulizija u anke d-dikjarazzjoni ta' Ian Castaldi Paris li mhux se jikkontesta l-elezzjoni "għax investigat fuq evażjoni ta' taxxa."

Apparti minn hekk, Grech fakkar li l-Prim Ministru għadu ma ħax azzjoni kontra l-Ministru Justyne Caruana u akkużah li qed jibża' jkeċċiha.

"Gvern li qed iwassal għal ħsara irreparabbli għal isem pajjiżna waqt li suppost niġġieldu pandemija u ffukati biex noħolqu l-ġid. Il-ħaddiem Malti, iż-żgħażagħ u l-Maltin kollha għandhom dritt għal gvern li jmexxi b’serjetà u għaqal. Il-PN jrid ikun dak il-Gvern li ħaqqhom il-Maltin beżlin u ħawtiela. Il-Maltin ħaqqhom aħjar. Aħna ser inkunu aħjar," insista l-Kap Nazzjonalista.

Fi kliemu huwa Gvern ġdid li jista' jtejjeb ir-reputazzjoni tal-pajjiż. 

'Trid tkun ma tistħix biex ikun jismek Bernard Grech u toħroġ stqarrija titkellem fuq evażjoni ta’ taxxa.' - Partit Laburista

B'reazzjoni għal dan il-kumment, il-Partit Laburista wieġeb bi stqarrija qasira ta' żewġ sentenzi.

L-istqarrija tgħid hekk: "Trid tkun ma tistħix biex ikun jismek Bernard Grech u toħroġ stqarrija titkellem fuq evażjoni ta’ taxxa. Tant mhux kredibbli l-Kap tal-Oppożizzjoni li kull kumment ieħor dwar dak li qal ikun żejjed."

More in Politika