Justyne Caruana tirriżenja minn Ministru tal-Edukazzjoni

Caruana kienet taħt pressjoni kbira wara li tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovich...

F’laqgħa iktar kmieni llum Justyne Caruana infurmat lill-Prim Ministru Robert Abela bir-riżenja tagħha minn Ministru għall-Edukazzjoni. Il-Prim Ministru aċċetta din ir-riżenja bis-sorsi tas-sit illum.com.mt jgħidu li Abela ta lil Caruana għażla: "Jew il-poltika jew l-għarus!" Caruana għażlet li ttirriżenja u ħabbret ukoll li mhux se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, xi ħaġa li mistennija tiftaħ il-bibien beraħ għat-tielet Deputat Laburista fit-13-il Distrett, jekk fil-fatt jerġa' jintrebaħ mil-Labour. 

Caruana kienet taħt pressjoni kbira fl-aħħar ġimgħat wara li nstabet ħatja li kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovich biex iwettaq il-Kurrikulu Nazzjonali tal-Isports, anke jekk qatt ma kellu esperjenza biżżejjed biex iwettaq dan it-tip ta' xogħol li jirrikjedi għarfien f'termini ta' policy, xi ħaġa li fil-fatt ikkonferma l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler fir-rapport tiegħu. 

Il-Kummissarju Hyzler qal ukoll fir-rapport tiegħu, li hemm lok għal investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministru. Il-Pulizija fil-fatt kkonfermaw l-ġimgħa l-oħra li infetħet investigazzjoni fuq il-kuntratt mogħti lil Daniel Bogdanovich 

The Sunday Times żvelat kif minkejja li Bogdanovidh kellu r-rapporti dwar is-suġġett miktubin f'ismu, fil-fatt allegatament kienu qed jinkitbu minn persuna oħra li taħdem fil-Ministeru, tant li meta mistoqsi kemm-il darba tissemma' Ċipru fir-rapport Bogdanovich ma kienx kapaċi jirrispondi u l-ewwel wieġeb "ħafna" u wara "ftit drabi". Fil-fatt Ċipru ma jissemmiex f'dan ir-rapport.

Jidher li l-Ministru kienet taf li fil-fatt ir-rapporti ma kinux qed jinkitbu minn Bogdanovich, imma minn Dr Paul Debattista, konsulent tal-Ministru għall-Edukazzjoni. Hyzler insista li dan il-fatt inżamm moħbi minnu meta kien qed jiġbor ix-xhieda f'dan il-każ.

Intant il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Prim Ministru kien qed jistenna lil Caruana tirriżenja minn jeddha fid-dawl ta' dan ir-rapport imbarazzanti għaliha u għall-Gvern u anke l-kritika ħarxa, inkluż minn votanti Laburisti fuq il-midja soċjali. 

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM fl-Editorjal qal illi l-Prim Ministru kellu jieżu azzjoni u jneħħi lil Caruana. "Huwa ċar li jew dan huwa każ ta' bluha politika u nuqqas ta' ġudizzju jew inkella każ ta' Ministru li ma tafx x'inhu sew u x'mhux u li għaliha l-etika tajba għaż-żibel! Ħafna Laburisti wrewha x'jaħsbu fuq il-midja soċjali. Jekk Mary, Thomas, Ċikku u Jane kapaċi jaraw x'inhu sew u x'mhux, Ministru mhijiex? Dawn x'politiċi huma? Fejn hija d-diċenza?" staqsa l-istess Editorjal.

'Abela għażel li ma jiddeċidix' - PN

Intant f'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista rrimarka li Caruana rreżenjat minn jeddha wara l-pressjoni "tal-Oppożizzjoni u l-ġurnalisti" u mhux b'deċiżjoni tal-PM. "Għal darb’oħra għandna każ fejn Robert Abela għażel li ma jiddeċidix għaliex kieku għalih ħalla l-proċess parlamentari jsir wara l-festi.  Robert Abela ma ħax azzjoni hu, ma keċċihiex hu, la minn ministru u l-anqas mill-grupp parlamentari," sostniet l-istqarrija tal-PN. 

L-Oppożizzjoni fakkret li dan mhux każ magħluq u li qed tistenna lill-Pulizija biex timxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards. Qalet ukoll li l-PM għandu jieħu passi kontra s-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni li "approva dan l-iskandlu li sar b’serq ta’ flus il-poplu."

 

More in Politika