Eks Membru Parlamentari Nazzjonalista u Kardjologu Albert Fenech, instab mejjet iktar kmieni illum, fl-età ta' 70 sena. Ġie rrapurtat li Fenech instab mejjet ġewwa d-dar tiegħu u hu maħsub li miet b’kawża naturali.
It-tabib Fenech kellu karriera qasira fil-politika bħala Deputat tal-Partit Nazzjonalista bejn l-2013 u l-2016. Huwa telaq mill-Parlament, meta ħa impjieg mal-Vitals Global Healthcare, il-kumpanija tat konċessjoni biex tmexxi tliet sptarijiet tal-istat. Il-post tal-Professur Albert Fenech fil-Parlament kien imtela’ minn Karl Gouder. Ma' Vitals hu kellu jmexxi units kardijaċi ġodda fi ħdan l-Isptar Ġenerali San Luqa u Għawdex, iżda dan qatt ma sar.
Fl-1995, Fenech waqqaf id-dipartiment tal-kardjoloġija fi ħdan il-kura tas-saħħa pubblika lokali flimkien mal-kardjologu Alex Manche u wettaq l-ewwel operazzjoni fl-Isptar Mater Dei - anġjogramma - fl-2007.
Fl-2020, fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, 250 professjonist fil-qasam tas-saħħa u anke studenti, inkluż it-tabib Albert Fenech, ingħaqdu f’ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela fejn talbuh jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Gvern u jassisti immigranti li jinsabu bejn sema u ilma fil-periklu. “Il-ħajja qabel il-politika ... fejn jidħol is-saħħa aħna kapaċi nittestjaw u niżolaw,” kiteb dakinhar il-Professur Albert Fenech fil-kumment li kkumpanja l-firma tiegħu.