Mil-lum jonqos il-perjodu ta' kwarantina għal dawk imlaqqma bil-booster

Għal persuni mhux imlaqqma, inkluż tfal taħt il-5 snin, il-perjodi ta' iżolament u kwarantina jibqgħu ta' 14-il jum

Kif kien imħabbar mill-Ministru Chris Fearne stess, nhar il-Erbgħa li għadda, mil-lum persuni pożittivi għall-COVID-19 li huma mlaqqma bil-booster se jkunu obbligati li jagħmlu perjodu ta’ kwarantina t’għaxart ijiem minflok 14-il ġurnata. Dan sakemm fl-aħħar tliet ijiem ta’ kwarantina dawn l-individwi ma jkollhomx sintomi. 

Intant persuni li kienu f’ kuntatt ma’ persuna pożittiva, jiġifieri “primary contacts”, u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jibqgħu jużaw is-sistema ta’ “early release”, jiġifieri li jtemmu l-kwarantina obbligatorja sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva, wara li jagħmlu rapid test li jirriżulta fin-negattiv. 

Mil-lum ukoll, persuni meqjusa bħala “secondary contacts”, jiġifieri min jgħix fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina jekk ikunu vvaċċinati bil-booster. 

Intant dawn il-bidliet kollha ta' hawn fuq ma japplikawx għal persuni mhux imlaqqma, kemm jekk huma każijiet pożittivi, kuntatti primarji jew sekondarji. Għal persuni mhux imlaqqma, inklużi tfal taħt il-5 snin, il-perjodi ta' awto-iżolament u kwarantina applikabbli jibqgħu ta' 14-il jum.
 
Kwarantina għal skopijiet relatati mal-ivvjaġġar

Kwarantina relatata mal-ivvjaġġar tibqa’ għal 14-il jum mill-wasla f’Malta għal persuni li għandhom 12-il sena 'l fuq u li m'għandhomx ċertifikat validu ta' tilqim u għal dawk li huma awtorizzati jivvjaġġaw lejn Malta minn żona ħamra skura.

Fil-każijiet kollha, kull min joqgħod fl-istess dar tal-vjaġġaturi, irid ukoll jagħmel kwarantina għall-istess perjodu anke jekk jiġi mlaqqam.

 

More in Politika