Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm żviluppi importanti rigward is-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.
Sorsi infurmati li tkellmu ma' dan is-sit qalu li fil-jiem li ġejjin, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana mistenni jiltaqa' mal-unjins.
Sa issa għadu mhux magħruf jekk il-Kummissjoni Ewropea tatx il-permess tagħha biex il-Gvern ikun jista' jagħti sussidju lill-Air Malta, għalkemm huwa mistenni li aktar dettalji jingħataw fil-laqgħa tal-jiem li ġejjin.
Madanakollu, dan l-istess sit irċieva informazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat biss "parti żgħira" mill-pakkett ta' għajnuna li talab il-Gvern. Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Clyde Caruana la ċaħad u lanqas ikkonferma. Qal biss li f'dan l-istadju mhux se jikkummenta.
Mistoqsi wkoll dwar il-laqgħat tal-jiem li ġejjin, il-Ministru Caruana qal ukoll li għalissa mhux se jikkummenta.
Rapporti kienu qalu li l-Gvern kien qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea l-permess biex ikun jista' jgħaddi kważi €300 miljun lill-Air Malta bħala għajnuna diretta mill-Istat.
Mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru Clyde Caruana kien saħaq li l-Air Malta qed tagħmel telf operazzjonali enormi ta' xejn inqas minn €170,000 kuljum.
F'intervista li l-istess gazzetta kellha mal-Ministru Caruana ftit jiem biss wara l-Baġit, f'Ottubru li għadda, il-Ministru kien qal li l-Air Malta mistennija tagħmel madwar €30 miljun f'telf fl-2022.
"Jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix dan il-permess - u m'inix nara għaliex ma għandhiex tagħtih - l-Air Malta mhux se tgħix. Ikun fadlilha biss ftit ġimgħat ħajja," kien qal mal-ILLUM il-Ministru Caruana.
Minkejja li s-sussidji jmorru kontra l-politika tal-UE għax huma meqjusin bħala mod kif tinħoloq kompetizzjoni inġusta, il-Kummssjoni Ewropea qed taċċetta li tgħaddi għajnuna lil-linji nazzjonali tal-ajru nazzjonali wara d-daqqa kbira li ħadu minħabba l-pandemija.
Fil-fatt is-sena li għaddiet, fost oħrajn, il-Kummissjoni approvat għajnuna ta' €73 miljun lill-Alitalia. Skont it-trattati tal-UE Stati Membri jistgħu jgħaddu għajnuna li tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali - minħabba n-natura eċċezzjonali u imprevedibbli tagħhom kif ukoll ir-riperkussjonijiet kbar fuq l-ekonomija.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tqis il-pandemija tal-Covid-19 bħala ċirkostanza eċezzjonali u allura qed tippermetti li tingħata l-għajnuna.