Kif tħabbar ix-xahar li għadda, mit-Tnejn, biex persuna tidħol f'ħafna stabbilimenti, inkluż f'ristorant u bars, se tkun obbligata tippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin.
Fil-fatt, min-nhar it-Tnejn li ġej, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu għal tliet xhur mit-tieni doża u jibqa’ validu biss għal 9 xhur oħra jekk tkun ħadt il-booster.
Għalhekk, jekk ma tiħux il-booster u tkun ilek li ħadt it-tieni doża aktar minn tliet xhur, iċ-ċertifikat ma jibqax jgħodd.
Bars, restaurants, gyms, spas, casinos, snack bars, pools, clubs, cinemas, teatri, attivitajiet sportivi u kwalunkwe attività oħra se jkunu aċċessibli biss għal min għandu ċertifikat tal-vaċċin. Dan ma jgħoddx għal tfal li għandhom inqas minn 12-il sena.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne ħabbar li għal din ir-regoli se jkun hemm xi eċċezzjonijiet.
- Żgħażagħ li għandhom bejn 12-il sena u 18-il sena għadhom ma jistgħux jieħdu l-booster. Għalihom se jgħodd iċ-ċertifikat biż-żewġ dożi jew bid-doża waħda tal-Johnson & Johnson
- Tfal li għandhom inqas minn 12-il sena se jkunu eżenti kompletament minn dan l-obbligu
- Maltin li jkunu se jirritornaw minn barra jistgħu jagħmlu dan, anke jekk ma għandhomx il-booster, sal-1 ta' Frar. Minn wara l-1 ta' Frar, dawk li jirritornaw mingħajr ċertifikat validu, ikunu jridu jagħmlu kwarantina
- Dawk li ilhom barra minn Malta diversi xhur, minħabba studju jew xogħol, jistgħu jirritornaw Malta mingħajr booster anke wara l-1 ta' Frar sakemm japplikaw biex jieħdu l-booster
- Impjegati ta' dawk l-istabbilimenti li issa se jkunu qed jitolbu ċ-ċertifikat tal-vaċċin, sakemm ma jkollhomx kuntatt mal-klijenti, għalihom iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkun obbligatorju.
- Impjegati li se jkollhom kuntatt mal-klijenti, irid ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Madanakollu dawn se jkollhom ċans sal-1 ta' Frar biex jieħdu l-vaċċin jew il-booster biex hekk ikollhom ċertifikat validu.
- Ommijiet li huma tqal u li jinsabu fl-ewwel tliet xhur tat-tqala
- Persuni li ttestjaw pożittiv fl-aħħar ġimgħat u għalhekk tilfu l-appuntament għall-booster. Dawn se jkollhom eċċezzjoni ta' sitt ġimgħat sakemm ikunu ħadu l-ewwel u t-tieni tilqima. Wara dan il-perjodu, iċ-ċertifikat tagħhom mhux se jibqa' validu sakemm huma jieħdu l-booster.
- Persuni li kellhom reazzjonijiet qawwija ħafna għal dożi oħra tal-vaċċin. Dawn se jkollhom bżonn ċertifikat mill-professur li rahom u anke mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika