Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li jekk il-pajjiż inaqqas aktar il-perjodu tal-kwarantina, ikun qiegħed jipperikola s-saħħa ta' dawk vulnerabbli u anke s-saħħa tal-anzjani.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħabbar ir-rilaxx ta' miżuri u anke ta' dettalji ta' kif se jaħdmu diversi stabbilimenti min-nhar it-Tnejn, il-Ministru Fearne kien mistoqsi dwar l-appelli li qed isiru biex tkompli tonqos il-kwarantina.
Fearne ma eskludix li jekk l-immunità fil-pajjiż tkompli tiżdied, il-perjodu tal-kwarantina jkompli jonqos, iżda saħaq li għadu mhux il-waqt.
Fi kliemu "għadu kmieni wisq" biex l-awtoritajiet tas-saħħa jaraw jekk l-immunità tal-pajjiż hijiex b'saħħitha biżżejjed u jekk hux se jkun hemm bżonn interventi oħra biex din tkompli tissaħħaħ.
Fil-bidu tal-kummenti tiegħu, Fearne ikkwota lid-Direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa meta qal li l-pandemija għadha hemm u l-agħar, anke għall-Ewropa, jista' jkun li għadu ġej fix-xhur li ġejjin.
Fil-fatt, skont il-WHO, sa xahrejn oħra, nofs il-popolazzjoni tal-Ewropa, se tkun mardet bil-Covid-19.
Qal ukoll li anke f'Malta, mill-aħħar testijiet li saru, irriżulta li disa' minn kull għaxar każijiet ġodda, qed ikunu każi ta' Omicron.
Din il-ġimgħa, kemm il-Kamra għan-Negozji Żgħar u anke l-Partit Nazzjonalista appellew biex il-perjodu tal-kwarantina jonqos għal ħamest ijiem u jibqa' japplika biss għal min ikun pożittiv.
Preżentament, f'Malta, ir-regoli tal-kwarantina huma dawn:
Il-perjodu tal-kwarantina tnaqqas minn 14 għal 10 ġranet. Dan jgħodd għal dawk pożittivi għall-virus u li jkunu ħadu l-booster. Biex joħorġu mill-kwarantina wara għaxart ijiem, iridu jkunu żguri li ma jkollhomx sintomi fl-aħħar tlett ijiem.
Dawk li jgħixu ma’ persuni li joħorġu pożittivi, ukoll se jkunu jistgħu joħorġu mill-kwarantina wara għaxart ijiem, dejjem jekk huma u min ikun pożittiv, ikunu ħadu l-booster.
Jekk ma jkunux ħadu l-booster, kull min jgħix taħt l-istess saqaf, irid jagħmel kwarantina ta’ 14-il ġurnata.
Dawk li ma ħadux il-booster iridu jagħmlu awtomatikament kwarantina għal 14-il ġurnata.
Il-kuntatti primarji li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu joħorġu mill-kwarantina sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva u wara li jagħmlu test rapidu li jirriżulta negattiv.
Kuntatti sekondarji, li jkunu ilhom erbatax-il ġurnata li ħadu l-booster, mhux se jkollhom bżonn jagħmlu kwarantina. Dawn jistgħu jkunu dawk li jgħixu fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva.