Frank Fabri rriżenja minn Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni ftit ġimgħat biss wara li r-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana.
Skont is-sit MaltaToday, Fabri kien taħt pressjoni biex jirriżenja u għamel dan dalgħodu.
Caruana rriżenjat wara li investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards sabet li l-eks Ministru kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, għal xogħol li hu ma kienx kapaċi jagħmel.
Kien Fabri stess li ffirma dan il-kuntratt.
L-istess rapport jirrakkomanda investigazzjoni kriminali kontra l-istess Ministru.
Caruana qed tiġġieled il-każ tagħha quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Intant, Matthew Vella se jkun is-Segretarju Permanenti ġdid għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Matthew Vella nħatar Segretarju Permanenti f’Diċembru 2020 fil-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat.
F’laqgħa llum waranofsinhar, Vella ngħata l-inkarigu ġdid tiegħu mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, b’seħħ minn għada meta jibda perjodu ta’ tranżizzjoni.