Titnaqqas l-ordni tal-iffriżar tal-assi fil-konfront tal-kontrollatur finanzjarju ta' Nexia BT

L-ordni ta' ffriżar tal-assi fil-konfront ta' Katrin Bondin Carter issa se tkun qed tkopri biss €5,000

Il-Qorti tal-Maġistrati naqqset l-ordni ta’ ffriżar li kienet imposta fuq il-kontrollatur finanzjarju ta’ Nexia BT, Katrin Bondin Carter, biex issa din se tkun qed tkopri biss €5,000. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech saħqet li mhuwiex ġust li jibqgħu jiġi ffriżati assi li ma kinux akkwistati b’mod illegali.

Fakkret kif fit-12 ta’ Jannar, il-Prosekuzzjoni qalet taħt ġurament li waqt l-investigazzjoni tagħha kien determinat li Bondin Carter ma għamlet l-ebda gwadann illegali.

L-għan tal-ordni tal-iffriżar tal-assi kienet daħlet fis-seħħ biex f’każ li l-akkużata tinsab ħatja, kwalunkwe assi ffriżati u li kienu miksuba b’mod illegali, jiġu kkonfiskati u dan sew jekk fi flus jew f'proprjetà.

Wara li spjegat diversi argumenti legal, il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Bondin Carter u llimitat l-ordni ta’ iffriżar għal €5000. Il-Qorti ordnat ukoll lid-Direttur tal-Asset Recovery Bureau biex jiddentifika u jikkonfiska l-ammont, kemm jekk fi flus jew inkella fi proprjetà.

Bondin Carter kienet waħda minn għadd ta' persuni, fosthom Keith Schembri u Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT li kienu tressqu l-Qorti akkużati b'ħasil ta' flus

More in Politika