Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fid-diskors tiegħu fil-Parlament illejla rrimarka li l-Prim Ministru mhux kapaċi jieħu deċiżjoni u li l-abbozz tal-PN mhux se jgħaddi għas-sempliċi raġuni għax ġie mfassal mill-Oppożizzjoni u għax jgħid li jindirizza n-nuqqasijiet tal-pajjiż. Huwa kien qed jitkellem fid-dibattitu li ddiskuta abbozz bi 12-il liġi li ressqet l-Oppożizzjoni. Ftit qabel id-diskors ta' Grech tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.
“Abela qalilna li għandna istituzzjonijiet indipendenti li qed jaħdmu sewwa ... Iżda l-Prim Ministru għandu problema għaliex meta l-istituzzjonijiet ma jitkellmux kif irid hu joħroġ jattakom għax dan hu Prim Ministru li jrid biss il-kontroll assolut f'idejh,” qal Grech.
Għal darba oħra huwa reġà rrimarka li Abela mhux kapaċi jieħu deċiżjoni u dan wara li ħatar kumitat, seba’ xhur wara l-publikazzjoni tal-inkjesta tal-qtil tal-ġurnalista, “biex jippreparawlu x’għandu jagħmel fir-rigward tal-ġurnaliżmu. Tridu tibqgħu tgħixu f’realtà parallela.” Fakkar li din il-leġiżlatura hija waħda li tibqa' mmarkata bi qtil ta' Daphne Caruana Galizia
'Il-kelliema tal-Gvern jibżgħu jgħidu isem Daphne Caruana Galizia'
"Meta tiġi hawn quddiem il-poplu, fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u tagħmel diskors ta' 43 minuta li fih tipprova tirredikola abbożż ta' liġi li huwa intiż biex dan il-pajjiż, qatt aktar ma tinqatel Maltija minħabba l-qadi ta' dmirijietha fit-tfittix tas-sewwa. Dan ifisser li int Prim Ministru li mhux veru trid lil dan il-pajjiż ifiq," saħaq Bernard Grech.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jirrikonoxxi li dak li tissuġerixxi l-Oppożizzjoni jista' ma jkunx perfett madankollu jgħid li l-Gvern qatt ma mar fuqhom biex jiċċaraw xi affarjiet, biex jiddjalogaw jew jagħmlu xi emendi.
"Ir-realtà hija li intom se tivvutaw kontra dan l-abbozz għax huwa abbozz tal-Oppożizzjoni. Din hija l-maskra li fl-aħħar waqgħet u dik hija d-direzzjoni li tajtu llum lil kulħadd fuq dik in-naħa tal-Kamra. Għalhekk illum għandna konferma għal darba oħra li dan il-Prim Ministru ma jridx jinqala' mill-politika medjokri, li ngħolew għal politika matura u serja li għandu bżonn dan il-pajjiż. Ma jridx li jieħu deċiżjoni waħda għall-ġid ta' pajjiżna. Ma jridx le!" temm jgħid Bernard Grech.