Analiżi | Labour jew PN? Min se jindirizza l-għoli tal-ħajja l-aħjar?
'L-għoli tal-ħajja jifnik' kien iddikjara l-MLP fl-1996, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni. U veru, għax l-ikel trid tixtrih bilfors. Bil-prezzijiet tal-ikel u oġġetti bażiċi telgħin x'se jwegħdu l-PN u l-PL sabiex tkun indirizzata din il-problema?
minn Albert Gauci Cunningham
L-elezzjoni issa riesqa ġmielha u tiġi meta tiġi issa tista' tgħid li ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjoni ġenerali 2022. U bħal ma jseħħ f'kull elezzjoni ġenerali l-partiti joħorġu l-manifesti elettorali, dokumenti li juru dak li jixtiequ jwettqu fil-leġiżlatura ta' ħames snin.
Naturalment dan id-dokument ikun jirrifletti mhux biss l-ambizzjonijiet tal-partit politiku li jixtieq jiggverna, iżda wkoll ir-realtajiet politiċi u soċjali ta' meta jkun ġie mfassal. Għalhekk f'din l-analiżi li se tiġi ppubblikata f'diversi artikli (Araw il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li ġej fejn se titkompla din l-analiżi) se nagħtu ħarsa lejn dawk il-wegħdi u miżuri li l-poplu u n-nies fit-triq probabbilment se jkunu qed ifittxu l-aktar. Dawk il-wegħdi li wara kollox jew se jagħmlu l-akbar differenza għalihom jew inkella se jagħmlu l-akbar differenza fil-mod kif jivvutaw, jew jekk fil-fatt jivvutawx.
L-għoli tal-ħajja, kontijiet u flus fil-but!
Induru kemm induru jibqa' fatt li l-flus fil-but tal-familji u n-negozji jibqa' fattur importanti li jiddetermina ħafna fejn imur il-vot! U ma nsawtux lilna infusna wisq, għaliex il-flus u l-ekonomija u x-xogħol kważi dejjem jaffetwaw fejn imur il-vot f'kull elezzjoni ġenerali, f'kull pajjiż.
Il-poplu bħalissa qed jesperjenza dak li jista' jkun il-bidu - jew inkella l-qofol - ta' żieda fil-prezzijiet tal-ikel u bżonnijiet ta' kuljum - l-aktar minħabba żieda fil-prezz tal-ġwież, ċereali, trasportazzjoni u f'xi każi anke l-Brexit! Żieda li hemm kunsens li fil-fatt qed isseħħ u kull ma trid tmur sa supermarket jew ħanut tal-merċa biex is-sid jew il-ħaddiem jgħidlek li l-prezzijiet telgħin u telgħin (ara wkol paġna 11). Biex tgħaxxaq dawn il-prezzijiet telgħin fi żmien meta r-rittmu tan-negozju u tax-xogħol għadu batut wara d-daqqa li qala' sforz ir-restrizzjonijiet - minħabba numri għoljin ħafna ta' każi ta' Covid-19 - fl-aħħar ġimgħa ta' Diċembru.
Mela l-poplu żgur li se jkun qed ifittex lill-Gvern prospettiv - Laburista jew Nazzjonalista - biex lilhinn mill-paroli u l-istqarrijiet vagi joffri soluzzjonijiet effettivi kontra l-għoli tal-ħajja.
L-għoli tal-prezzijiet ma jistax jkun indirizzat bil-kontrolli tal-prezzijiet u lanqas b'kontrolli ta' kemm ħanut jiddeċiedi li jrid jagħmel profitt fuq prodott. Biex dan isir irridu nbiddlu s-sistema ekonomika b'mod komplet, xi ħaġa li tmur kontra l-ideal Ewropew tas-suq ħieles.
Mela t-tiġrija hawnhekk se tkun dwar min verament kapaċi joħloq il-ġid li minnu jqassam biex jindirizza din il-problema.
Il-Partit Laburista se juża l-fatt li l-Gvern diġà qed jagħmel dan bil-prezzijiet tal-enerġija, bil-konsgwenza li l-prezzijiet tal-elettriku baqgħu stabbli, kuntrarjament għal dawk madwar l-UE, fejn kien hemm żieda medja ta' 5%. Il-PL se juża dan fl-isfond tal-fatt li meta ġara l-istess wara l-2008 Gvern Nazzjonalista kien għolla l-kontijiet, minkejja l-protesti tal-unjins u l-għaqdiet ta' min iħaddem u minflok kien bagħat il-famużi ħames bozoz energy-saving! Naturalment il-PL se jfakkar f'elenku ta' miżuri oħrajn li ħallew aktar flus fil-but, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet f'kull baġit, żieda fl-istipendji, it-tneħħija tat-taxxa tal-boll għal First u Second Time Buyers u l-In Work Benefit għal familji li ma jaqilgħux pagi għolja, fost oħrajn. Bla dubju li se jikkapitalizza fuq miżuri u inċentivi monetarji li tħabbru waqt il-pandemija bħall-vouchers, il-Wage Supplement, it-tnaqqis fil-kontijiet għan-negozji u għotijiet oħrajn
Il-Gvern wiegħed ukoll fl-aħħar Baġit li se jniedi mekkaniżmu biex jgħin familji vulnerabbli jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja
Minkejja dan il-Partit Laburista ma jistax jiddependi biss fuq il-miżuri li saru u argumenti ta' kredibilità, għax in-nies se jfittxu wkoll soluzzjoni immedjata għal din il-problema immedjata.
L-agħar li jista' jagħmel elettoralment huwa li jipprova jċekken jew inaqqas minn din ir-realtà!
Minn naħa l-oħra l-PN mistenni jibqa' jinsisti fuq il-problema nnifisha u jikkapitalizza fuq l-għafsa li bdiet tinħass fil-but, billi jqabbel dan ma' kuntratti ta' eluf li ħadu "tal-qalba". Il-Kap tal-PN Bernard Grech diġà wiegħed li Gvern Nazzjonalista, jekk elett, jbiddel il-bands tat-taxxa tal-25% lil dawk li qed jaqilgħu sa €80,000, miżura li tħalli sa massimu ta' €2,000 aktar lill-eluf ta' impjegati u persuni.
Il-problema hija li din il-miżura se tħalli l-aktar flus fil-but lil dawk li l-inqas se jħossu l-10ċ żieda fil-prezz tal-ħobż, il-5ċ żieda fil-ħalib jew is-75ċ żieda fil-prezz tal-laħam. Lil dawk l-eluf li jaqilgħu paga minima din il-miżura ma tagħmillhomx ċenteżmu differenza, meta huma proprja l-aktar faxxa ta' nies li għandhom bżonn din l-għajnuna.
Pero' din il-ġimgħa wkoll il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza organizzata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo kien żvelat li l-PN huwa favur l-kunċett tal-Living Income. Minkejja li dan huwa definittivament pass 'il quddiem, naturalment huwa d-dettal ta' din il-proposta li jista' verament jagħti tama lil ħafna nies li jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja u li jgħixu minn xahar għal xahar.
Hemm diversi modi kif il-poplu qed jistenna li l-PL jew il-PN jindirizzaw din il-problema fil-ġimgħat li ġejjin u fil-manifest elettorali. Jew għajnuna diretta lill-konsumatur, jew għajnuna diretta lill-bidwi u r-raħħal li qed jgħolilu l-prezz biex irabbi l-annimali u jkabbar il-ħaxix jew inkella żieda oħra fil-paga minima li f'terminu ta' żmien iwassal għal żieda fil-pagi b'mod ġenerali.
Din il-problema reali qed tolqot l-aktar lil dawk li huma l-aktar batuti finanzjarjament; Il-pensjonanti, dawk bil-paga minima u ħaddiema li jaqilgħu madwar €1,000 jew €1,200 fix-xahar li għandhom l-ulied, kif ukoll dawk li qed jgħixu f'kirjiet privati.
Għalhekk il-partiti se jkollhom test li jinqasam fi tnejn: L-ewwel, b'kemm se jgħinu direttament dwar l-għoli tal-ħajja u t-tieni, kif se jgħinu bl-aktar mod soċjalment ġust possibbli. Jiġifieri: Se jwiegħdu li jagħtu għajnuna diretta? U kemm se jagħtu f'għajnuna? U kulħadd jingħata l-istess? Min jaqla' €40,000 fis-sena għandu jieħu l-istess għajnuna daqs min jaqla' €12,000? U b'kollox din il-miżura kemm se tiswa'?
Fil-ġimgħat li ġejjin se naraw min huwa l-aktar oriġinali fl-ideat u min l-aktar bejn il-PN u l-PL għandu ruħ soċjali fuq l-għoli tal-ħajja li kif kien qalilna Alfred Sant fl-1996, "jifnik."