Il-Kamra għan-Negozji Żgħar tipproponi tnaqqis ġenerali tal-VAT għal 15.5%

Dan wara sondaġġ li sab li l-akbar tħassib għan-negozji żgħar hija ż-żieda fl-ispejjeż li qed jiffaċċjaw

Kafetterija popolari l-Belt Valletta, li sa issa għadha magħluqa fi żmien lockdown parzjali
Kafetterija popolari l-Belt Valletta, li sa issa għadha magħluqa fi żmien lockdown parzjali

L-akbar tħassib tan-negozji żgħar għal din is-sena huma l-ispejjeż li qed jiżdiedu u anke l-irkupru mill-effetti tal-pandemija tal-Covid-19.

Dan irriżulta minn stħarriġ li sar mill-Kamra għan-Negozji Żgħar li għalhekk qed tagħmel għadd ta' proposti, fosthom tnaqqis ġenerali tal-VAT minn 18% għal 15.5% u anke t-tneħħija tat-taxxa tas-sisa fuq prodotti essenzjali, bħall-ilma, xorb mhux alkoħoliku u prodotti sanitarji.

Is-sondaġġ sar fost 250 negozju.

16% tas-sidien ta’ dawn in-negozji qalu li l-ispejjeż li dejjem qed jiżdiedu mistennija joffrulhom l-akbar sfida għal din is-sena, filwaqt li 14% qalu li l-pandemija u l-irkupru warajha jibqgħu l-akbar sfidi għalihom anke tul l-2022.

10% tal-istess negozji qalu li l-akbar sfida għalihom hija l-inċertezza li ġġib magħha l-elezzjoni ġenerali u 10% għażlu n-nuqqas ta’ ħaddiema bħala l-akbar sfida li qegħdin u mistennija jiffaċċjaw tul din is-sena.

44% jemmnu li din is-sena se tkun aħjar...

44% tan-negozji qalu li qed jistennew sena aħjar mis-sena li għaddiet, filwaqt li 39% qed jaħsbu li x-xogħol se jkun simili għal dak tas-sena li għaddiet.

21% biss qalu li qed jistennew li x-xogħol ikun agħar minn dak fl-2021.

Mistoqsija dwar ix-xogħol li kellhom is-sena li għaddiet, 23% qalu li daħlu, bejn wieħed u ieħor, l-istess ammont, filwaqt li 33% qalu li rreġistraw inqas dħul mis-sena 2020.

39% qalu li marru aħjar mill-2020.

Dawk li wieġbu li daħlu inqas, qalu li r-raġuni ewlenija kienet il-pandemija, filwaqt li oħrajn semmew li kien hawn inqas flus fl-idejn u anke aktar spejjeż.

Iridu li jonqos il-perjodu tal-kwarantina...

Dwar il-pandemija, 71% tas-sidien jemmnu li l-perjodu tal-kwarantina għandu jonqos filwaqt li 58% jemmnu li għandhom jinbidlu wkoll ir-regoli marbuta mal-ivjaġġar.

56% jemmnu wkoll li għandhom ikomplu jonqsu r-restrizzjonijiet u 71% insistew li f’dan l-istadju għandna nitgħallmu ngħixu mal-Covid-19.

Milied: 34% kienu sodisfatti bix-xogħol

Mistoqsija dwar il-Milied, 29% qalu li kienu sodisfatti, 5% wieġbu li kienu sodisfatti ħafna. 24% ma tant kienu kuntenti xejn filwaqt li 32% qalu li x-xogħol kien simili għal dak tas-soltu.

Fil-fatt, 40% qalu li x-xogħol baqa’ l-istess u 1% biss wieġbu li x-xogħol kien aħjar mis-snin l-imgħoddija.

X’qed tipproponi l-Kamra?

Ibbażati fuq dan is-sondaġġ, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet b’dawn il-proposti:

  • Tneħħija tat-taxxa tas-sisa fuq prodotti essenzjali, bħall-ilma, xorb mhux alkoħoliku u prodotti sanitarji
  • Tnaqqis ġenerali tal-VAT minn 18% għal 15.5%
  • Tnaqqis tal-perjodu tal-kwarantina għal ħamest ijiem
  • Sistema aktar organizzata biex jiġu attirati ħaddiema minn pajjiżi terzi
  • Tnaqqis fir-restrizzjonijiet marbuta mal-ivjaġġar 

More in Politika