Cassola jitlob lill-Awditur biex jinvestiga l-ispiża għall-organizzazzjoni tal-Malta Film Awards

Cassola jisħaq li l-€400,000 ddikjarati diġà huma ħafna iżda insista li hemm suspett li dan l-ammont inqabeż

Il-Professur Arnold Cassola talab lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ispiża għall-organizzazzjoni tal-Malta Film Awards li nżammet nhar is-Sibt li għadda.

F’ittra mibgħuta lill-Awditur, Cassola jisħaq li s-somma ddikjarata kienet ta’ €400,000 u li fi kliemu hija diġà “somma fenomenali” meta wieħed iqis li l-Kummissjoni Maltija għall-Films għandha allokat baġit annwali ta’ €600,000.

Insista li mhux qed ikun eskluż li anke din is-somma nqabżet hekk kif il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qed jirrifjuta jgħid jekk is-somma nqabżitx.

“Fatturi differenti, bħalma huma l-ħlas tal-preżentatur, l-ammont ta' flus minfuqa għall-importazzjoni tal-apparat u l-fatt li l-Kummissarju tal-Films ma jridx jitkellem u jkun trasparenti dwar l-ispiża, isaħħu s-suspett li l-baġit kien aktar minn dak iddikjarat,” insista Cassola.

Staqsa wkoll jekk kienx jagħmel sens li jitħallsu eluf ta’ ewro lill-preżentatur David Williams “biex jistqarr affarijiet li huma diġà magħrufa, jiġifieri li Malta għandha ħafna knejjes, taqli l-fniek u hija famuża għall-evażjoni tat-taxxa.”

Insista li kumment bħal dan ikomplu jumilja lill-poplu u jtappan ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

More in Politika