'Bħalissa mhux politika tal-Father Christmas hemm bżonn iżda solidarjetà soċjali' - Cacopardo

L-ADPD tisħaq li il-Gvern ma għandux jifrex l-għajnuna fuq kulħadd imma jagħti għajnuna fuq dawk li verament għandhom bżonnha...

"F’dan il-mument kritiku mhux tqassim ta’ rigali hemm bżonn iżda għajnuna: mhux politika ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma solidarjetà soċjali, reali u iffukata fuq min għandu bżonn.”   Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD - The Green Party waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa fi Pjazza Reggie Miller il-Fgura dalgħodu.

Huwa sostna li huwa żball li l-Gvern jifrex l-għajnuna fuq kulħadd, inkluż fuq min m’għandux bżonn għax isostni li dan iwassal għall-isparpaljar tar-riżorsi tal-pajjiż kif saħaq li diġà qed jiġri f’oqsma oħra.

"F’dan il-mument kritiku mhux tqassim tar-rigali hemm bżonn iżda għajnuna ta’ vera: mhux politika ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma solidarjetà soċjali, reali, iffukata fuq min għandu bżonn," saħaq Cacopardo. 

Huwa faħħar is-sussidji fuq il-konsum tal-elettriku iżda mill-ġdid saħaq li dan ma għandux jieħdu kulħadd. "Ikun xieraq jekk min jikkonsma iżżejjed iħallas ta’ dak li qed jikkonsma mingħajr ma jibbenefika minn sussidju. Dan jgħodd ukoll għall-petrol u għad-diesel."

"Naturalment, l-għajnuniet li jistgħu jibqgħu jingħataw minn żmien għal ieħor lil dawk l-aktar vulnerabbli huma dipendenti ukoll fuq kemm ngħixu l-moralità fiskali – dik li kulħadd iħallas it-taxxa f’waqtha mingħajr skużi u maħfriet – biex b’hekk minn jaqla’ aktar jkun qiegħed jgħin lil min hu l-aktar fil-bżonn," temm jgħid Cacopardo.

Brian Decelis, kandidat ta’ ADPD għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-tielet u ir-raba’ distrett, qal li l-ADPD taqbel li hu mument addattat biex jintużaw fondi pubbliċi ħalli jkunu mgħejjuna dawk li ħtija tal-pandemija waqgħu lura għax qalgħu daqqiet kbar u fit-tul, u li kellhom effett fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. "Fuq quddiem nett hemm dawk li tilfu l-post tax-xogħol, immedjatament warajhom hemm dawk li spiċċaw bi dħul imnaqqas, f’ħafna każi mħallas direttament mill-Gvern. Dawn jingħaqdu mal-vulnerabbli ta’ kull età li huma magħna f’kull ħin."

Decelis iżda qal li n-nefqa ta’ €70 miljun li tħabbret mill-Gvern din il-ġimgħa "ftit tagħmel distinzjoni  bejn dawk li l-aktar għandhom bżonn u oħrajn. Is-solidarjetà soċjali, f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jeħtiġhiex kulħadd."

 

More in Politika