Elezzjoni fit-12 ta' Marzu barra mit-tieqa! X'dati oħra qed jissemmew?
Aktar tard dan ix-xahar, tard f'Mejju jew fil-bidu ta' Ġunju ... l-għażla tibqa' tal-Prim Ministru biss
minn Yendrick Cioffi
Minkejja li ħafna kienu ċertu, inkluż uffiċjali f'Ministeri, li l-elezzjoni ġenerali se tkun qed issir fit-12 ta' Marzu, ġaladarba l-Prim Ministru ma ħabbarx l-elezzjoni llum, elezzjoni f'din id-data mhijiex possibbli.
Dan għax skont il-liġi elettorali, Prim Ministru jista' jsejjaħ elezzjoni ġenerali meta jrid iżda hemm minimu ta' 33 jum bejn il-ġurnata li fiha jiġi xolt il-Parlament u d-data tal-elezzjoni. Dan ifisser li bħalma ġara f'Novembru, dak li kien qed jingħad kienu biss xniegħat. L-uniku differenza hija li din id-darba, donnhom li belgħuha anke l-ogħla uffiċjali tal-Gvern, inkluż Ministri.
Madanakollu l-elezzjoni tibqa' fil-qrib. Ilbieraħ, meta kien qed jitkellem fl-Imqabba, il-Prim Ministru ġibed saqajn dawk li kienu qed jisimgħuh u qal li "sa erba' xhur oħra, l-elezzjoni ġenerali tkun għaddiet."
Marzu għadu mhuwiex eskluż kompletament. Diġà hemm min qed isemmi d-19 ta' Marzu. Biex l-elezzjoni ssir dakinhar, il-Prim Ministru għandu ċans sa San Valentinu, l-14 ta' Frar biex isejjaħ l-elezzjoni.
Id-19 ta' Marzu hija festa pubblika, il-festa ta' San Ġużepp u għalhekk x'aktarx li l-Prim Ministru se jevita li jsejjaħ elezzjoni f'festa iżda aktar minn hekk, din id-data, tkun ħafna aktar viċin iż-żjara tal-Papa Franġisku, li mistenni jżur Malta bejn it-2 u 3 ta' April li ġej.
Anke jekk din għadha mhijiex uffiċjali, sorsi li tkellmu ma' dan is-sit indikaw li din tista' tkun ikkonfermata nhar il-Ħamis li ġej, meta l-Knisja f'Malta tfakkar in-Nawfraġju ta' San Pawl.
Għall-istess raġunijiet, elezzjoni ġenerali fis-26 ta' Marzu hija 'impossibbli.'
Jekk mhux f'Marzu, elezzjoni f'April hija kważi kważi impossibbli. Kemm għax dan ikun ifisser li l-Papa jkun se jżur lil Malta f'nofs kampanja elettorali (xi ħaġa li żgur mhux se jagħmel) u anke minħabba l-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma għal qalb ħafna Maltin, aktar u aktar din is-sena meta l-purċissjonijiet se jkunu qed jirritornaw wara nuqqas ta' sentejn.
Għalhekk, jekk wieħed jeskludi Marzu u anke April, ifisser li l-Prim Ministru qiegħed iħares lejn elezzjoni ġenerali li ssir lejn l-aħħar ta' Mejju, possibbilment fit-28, jew inkella kmieni f'Ġunju, possibbilment fl-4 ta' Ġunju.
Huma dati li jagħmlu sens għal diversi raġunijiet. L-ewwel u qabel kollox, Robert Abela jkun jista' jiftaħar li l-Partit Laburista għamel leġislatura sħiħa, mhux kif ġara fl-2017 meta l-elezzjoni ssejħet sena qabel jew inkella fl-1998 meta waqa' l-Gvern ta' Alfred Sant.
Apparti minn hekk, il-previżjonijiet huma (anke minn dak li qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne) li s-sitwazzjoni tal-pandemija se tkun tajba ħafna u se jkunu ġew irilaxxati l-maġġoranza assoluta tal-miżuri.
Dan ifisser li n-negozju jkun reġa' żdied, ir-rota ekonomika tkun qed iddur ħafna aktar u jkunu rritornaw diversi attivitajiet, inkluż il-festi u l-attivitajiet tal-massa li f'elezzjoni ġenerali kif nafuha l-Maltin huma importanti. Il-moral fil-pajjiż ikun ħafna aktar pożittiv minn dak tal-lum.
Fl-aħħar mill-aħħar, kif inhi l-liġi bħalissa, l-għażla hija f'idejn il-Prim Ministru. Inutli noqgħodu nkissru rasna u nipprovaw naqtgħu d-dati qisna qed intellgħu t-tombla. Robert Abela se jiddeċiedi. Sadnittant il-partiti huma kkargati u anke jekk mhux b'mod uffiċjali, il-kampanja elettorali ilha li bdiet.