Mill-2003 sal-2017: Minn blu għall-aħmar ... L-Għawdxin jiksruha minn mal-PN
Il-gazzetta ILLUM tagħlaq il-ħarsa tagħha lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss it-tlettax-il distrett
minn Yendrick Cioffi
Il-gazzetta ILLUM waslet fl-aħħar ta’ din is-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif issa ninsabu fis-sena tal-elezzjoni ġenerali, tat rendikont u analizzat is-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017.
Se nagħlqu bit-tlettax-il distrett, jiġifieri d-distrett tal-Għawdxin li huwa wieħed mill-aktar interessanti. Minn distrett Nazzjonalista, l-appoġġ għall-PN baqa’ jonqos sena wara l-oħra, sakemm sal-aħħar elezzjoni ġenerali, spiċċa minn taħt.
Minn distakk ta’ 4,000 vot favur il-PN fl-2003, il-Partit Laburista rebaħ l-appoġġ tal-Għawdxin fl-2017, anke jekk bi 872 vot.
X’se jiġri din is-sena ħadd ma jaf. Sa ftit xhur ilu, qabel ma rriżenjat Justyne Caruana, l-Għawdxin kellhom tliet membri fil-Kabinett u kollha ħadmu u qed jaħdmu biex jiksbu aktar l-appoġġ tal-Għawdxin.
Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista wkoll qed jirsisti, b’kandidati ġodda u żgħar, bil-għan li jerġa’ jikseb il-voti li tilef f’Għawdex.
2003: L-ebda inkwiet għall-PN; Maġġoranza komda u Giovanna b’saħħitha
Sal-2003, il-Partit Nazzjonalista lanqas kien joħlom li għad jitlef lil Għawdex. F’din is-sena, mhux biss rebaħ ir-referendum għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u anke l-elezzjoni ġenerali, imma rebaħ ukoll bi kbir it-tlettax-il distrett.
Il-Partit Nazzjonalista kiseb 13,217-il vot jew inkella 58.78% tal-voti tal-Għawdxin. Il-Malta Labour Party (l-isem uffiċjali tal-PL dak iż-żmien) kiseb 9,177 vot jew 40.82%.
Giovanna Debono, li kienet għadha kemm serviet għall-ewwel darba bħala Ministru għal Għawdex, bla dubju ta’ xejn kienet l-aktar kandidata popolari. Fl-ewwel għadd, Debono kisbet 6,591 vot.
Il-Partit Nazzjonalista eleġġa wkoll lil Anton Tabone u lil Frederick Azzopardi.
Il-każ ta’ Tabone huwa interessanti ħafna. Tabone, eks Ministru għal Għawdex, kien għadu kemm serva bħala Speaker wara li kien ikkontesta l-elezzjoni tal-1998, imma għall-ewwel darba mill-1966, ma kienx ġie elett. Fil-fatt, fl-1998, Azzopardi, li kien l-Assistent tiegħu, kien ikkontesta l-elezzjoni u ġab aktar voti minnu.
Iżda bejn l-1998 u l-2003, Tabone ma baqax b’xejn hekk kif serva bħala Speaker. Madanakollu huwa ma kienx qata’ qalbu u kien ikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni tal-2003 u ġie elett.
Fil-fatt, fl-ewwel għadd huwa kien ġab 1,985 vot u Azzopardi 1,285 vot. Eventwalment, it-tnejn li huma kienu ġew eletti fit-13-il għadd bi ftit voti differenza. Tabone kien kiseb 3,286 vot u Azzopardi 3,279 vot.
Minkejja li kien Deputat elett f’isem il-Partit Nazzjonalista, sal-2008, Tabone kien reġa’ serva bħala Speaker tal-Kamra.
Ngħaddu issa għall-Malta Labour Party. Anton Refalo kien elett fl-ewwel għadd hekk kien il-kandidat preferut ta’ 4,298 persuna.
Warajh, għall-ewwel darba, kienet eletta Justyne Caruana. Fl-ewwel għadd, Caruana ġabet inqas voti minn kandidat ieħor, Joseph Cordina. Madanakollu, hija wirtet aktar mill-voti ta’ Refalo.
Hija kienet eletta fit-12-il għadd b’5,265 vot.
Fl-2003, il-Malta Labour Party u l-Partit Nazzjonalista kellhom seba’ kandidati kull wieħed. Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista kellu lil Chris Said fuq il-lista tiegħu iżda ma kienx elett.
2008: Il-PN inaqqas l-appoġġ fuq bażi nazzjonali iżda jibqa’ b’saħħtu fost l-Għawdxin
Fl-2008, il-Partit Nazzjonalista naqqas drastikament l-appoġġ fuq bażi nazzjonali tant li rebaħ l-elezzjoni ġenerali bi ftit mijiet ta’ voti.
Mill-banda l-oħra, fuq it-tlettax-il distrett, il-Partit Nazzjonalista sofra tnaqqis marġinali u għalhekk xorta waħda kien għadu b’saħħtu ħafna fost l-Għawdxin.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 13,141 vot jew 55.35% tal-voti. Mill-banda l-oħra, il-Malta Labour Party kien kiseb 10,185 vot jew 42.90% tal-voti tal-Għawdxin.
Anke jekk naqqset ftit voti, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono baqgħet il-kandidata l-aktar popolari. Fl-ewwel għadd, Debono kienet diġà kisbet 5,633 vot.
Din id-darba, Anton Tabone ma kienx fuq il-lista tal-kandidati u mar minn fuq Chris Said li issa qabeż lil Frederick Azzopardi. Fl-ewwel għadd, Said kien diġà ġab 2,573 vot. Fil-fatt, Said kien elett fil-11-il għadd b’4,091 vot.
Azzopardi kellu jistenna t-13-il għadd biex ikun elett. Huwa ġab 5,037 vot.
Il-Partit Laburista reġa’ eleġġa lil Anton Refalo minnufih mal-ewwel għadd. Huwa kiseb 4,599 vot. Justyne Caruana kienet eletta fit-tmien għadd b’4,153 vot.
Fl-2008, il-Malta Labour Party kellu seba’ kandidati u l-Partit Nazzjonalista kellu sitta.
2013: Il-maġġoranza tal-PN fost l-Għawdxin kważi tgħib għal kollox
Ngħaddu issa għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 li l-Partit Nazzjonalista tilef b’numri rekord. Il-maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista kważi għebet għal kollox. Kwistjonijiet dwar il-kaċċa li għadha popolari ħafna f’Għawdex u l-apatija li kienet żviluppat lejn il-Gvern Nazzjonalista f’dak iż-żmien, kollha kellhom sehem importanti f’dan ir-riżultat.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista żamm lil Għawdex bis-saħħa ta’ 240 vot biss. Interessanti wkoll dak li ġara fis-siġġijiet. Għall-ewwel darba, il-Partit Laburista eleġġa tliet siġġijiet u l-Partit Nazzjonalista eleġġa t-tielet siġġu bis-saħħa ta’ Ariklu 52 tal-Kostituzzjoni.
Nibdew bil-voti. Il-Partit Nazzjonalista f’Għawdex kiseb 12,551 vot jew 50.06% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 12,311 vot jew 49.10% tal-voti.
Din id-darba, Anton Refalo kien aktar popolari minn Giovanna Debono. Refalo kien elett fl-ewwel għadd b’5,264 vot.
Mal-Partit Laburista kien ikkontesta wkoll Franco Mercieca li ġab aktar voti minn Justyne Caruana.
Fil-fatt, Mercieca kien elett fit-tieni għadd b’4,667 vot, filwaqt li Caruana kienet eletta fl-għaxar għadd bi 3,966 vot, jiġifieri b’inqas voti mill-kwota ta’ 4,667 vot.
Mercieca kien inħatar Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u d-Drittijiet b’Diżabbilità iżda kien irriżenja sena wara minn dan l-irwol għax stqarr li ma kienx kuntent bil-portafoll mogħti lilu.
Caruana, li kienet tħalliet barra mill-Kabinett, kienet ħaditlu postu bħala Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità u għall-Anzjanità Attiva.
Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Giovanna Debono, fl-ewwel għadd, b’4,756 vot. Chris Said kompla jżid il-popolarità tiegħu fost l-Għawdxin u kien elett fit-tielet għadd b’4,756 vot. Fl-ewwel għadd, kompla joqrob lejn Debono hekk kif anke hu kien irnexxielu jġib aktar minn 4,000 vot.
Frederick Azzopardi kien ġie elett biss bis-saħħa ta’ Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni li dwaru tkellimna diversi drabi imma li tajjeb infakkru x’inhu.
Wara l-elezzjoni tal-1981, kienu daħlu fis-seħħ emendi biex ma jerġax jiġri dak li seħħ f’dawk is-snin, meta l-Malta Labour Party, immexxi mill-Perit Dom Mintoff, iggverna għax kiseb l-akbar ammont ta’ siġġijiet u mhux l-akbar ammont ta’ voti.
Fil-fatt, wara dik l-elezzjoni, fuq perjodu ta’ diversi snin, kienu daħlu fis-seħħ tliet emendi prinċipali:
-
L-ewwel emenda tistabbilixxi li l-partit li jġib maġġoranza assoluta ta’ voti, jiżdidulu s-siġġijiet awtomatikament biex ikollu, minn tal-inqas, maġġoranza ta’ siġġu wieħed.
-
It-tieni emenda tgħid li anke jekk partit ikun rebaħ b’maġġoranza relattiva, xorta waħda jiżdidulu s-siġġijiet biex ikollu mqar maġġoranza ta’ siġġu wieħed.
-
It-tielet emenda hija dik li nsejħulha tal-proporzjonalità fejn is-siġġijiet jiżdiedu biex jirriflettu s-saħħa tal-voti li jkunu kisbu l-partiti fl-ewwel għadd.
Ġaladarba l-Partit Nazzjonalista kien kiseb maġġoranza f’dan id-distrett, anke jekk mhux kbira, ma kienx jagħmel sens li l-Partit Laburista jkollu aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Għalhekk, bis-saħħa ta’ dan l-Artiklu, Azzopardi kien ġie elett.
2017: Il-maġġoranza tal-PN tgħib għal kollox. Il-PL jirbaħ lil Għawdex
Nagħlqu bir-riżultati fit-tlettax-il distrett fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, li minkejja l-isforzi tiegħu, il-Partit Nazzjonalista reġa’ tilef bi kbir. Id-disfatta kienet kbira fuq bażi nazzjonali, iżda daqstant ieħor fit-tlettax-il distrett.
L-appoġġ għall-PN kien ilu jitnaqqar u issa l-Partit Laburista kien irnexxielu jirbaħ lill-Għawdex. Dan minkejja l-isforz tal-PN li fuq dan id-distrett ħareġ xejn inqas minn ħdax-il kandidat.
Fil-fatt, il-Partit Laburista kiseb 13,233 vot jew 51.23% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 12,361 vot jew 47.85% tal-voti.
Anton Refalo, għal darb’oħra, kien l-aktar kandidat popolari. Huwa kiseb 4,853 vot fl-ewwel għadd. Il-Partit Laburista eleġġa wkoll lil Justyne Caruana fis-17-il għadd b’4,865 vot u għall-ewwel darba kien elett ukoll Clint Camilleri, fit-18-il għadd, b’4,579 vot.
Ngħaddu issa għall-Partit Nazzjonalista. Din id-darba, Giovanna Debono ma kinitx ikkontestat l-elezzjoni. Hija kienet irriżenjat mill-Partit Nazzjonalista fl-2015 (iżda żammet postha bħala Deputat indipendenti) meta r-raġel tagħha kien akkużat li wettaq xogħlijiet f’postijiet privati b’fondi tal-Ministeru, li ordna xogħlijiet għall-voti u li ħareġ irċevuti foloz, fost oħrajn. Huwa ġie lliberat mill-akkużi li s-sena li għaddiet.
Mar minn fuq Chris Said li kompla jżid fil-popolarità. Biss biss, il-voti tan-Nadurin, issa ma kellhomx għalfejn jinqasmu bejn it-tnejn.
Said, fil-fatt, kien elett fl-ewwel għadd b’4,642 vot. Il-popolarità ta’ Said, waslitu wkoll biex ftit ġimgħat wara, jikkontesta fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li tilef bi ftit voti kontra Adrian Delia.
Apparti Said, il-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Marthese Portelli li qabżet lil Frederick Azzopardi. Portelli, kienet eletta fil-15-il għadd, b’4,792 vot.
Frederick Azzopardi, għal darb’oħra, kien elett biss bis-saħħa ta’ Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni (ara xi jfisser fl-analiżi tal-elezzjoni ġenerali tal-2013).
Eventwalment, Marthese Portelli kienet ċediet is-siġġu tagħha f’dan id-distrett u minflokha, f’elezzjoni każwali, kien elett David Stellini. Madanakollu, Stellini rriżenja mill-Parlament fl-2019 u dan fetaħ il-bieb għal co-option, bil-PN jagħżel lil Kevin Cutajar li xorta waħda kien ikkontesta l-elezzjoni fuq it-13-il distrett.
Frederick Azzopardi miet fis-17 ta’ Ottubru 2020. Għas-siġġu tiegħu kienet saret elezzjoni każwali u kien elett Joe Ellis.
Fl-2017, il-Partit Laburista kellu sitt kandidati fuq Għawdex.