'Jixraqilna aħjar' - Il-messaġġ elettorali ta' Arnold Cassola

Cassola se jkun kandidat indipendenti fuq l-10 u l-11-il distrett

Arnold Cassola, Kandidat indipendenti
Arnold Cassola, Kandidat indipendenti

Arnold Cassola ħabbar il-messaġġ elettorali tiegħu għal elezzjoni ġenerali li jmiss, li se jkun "Jixraqilna aħjar". 

Cassola qal illi Malta jixraqilha ambjent naturali aħjar, ambjent politiku nadif "fejn il-politiċi huma suġġetti għal skrutinju mill-elettorat" u sostna li t-tama għal futur aħjar fejn kulħadd huwa rappreżentat huwa simbolizzat mill-fergħa minn siġra taż-żebbuġ fil-logo tal-kandidat indipendenti. Flimkien ma' dan il-messaġġ Cassola ħabbar ukoll il-portal il-ġdid tiegħu għal din l-elezzjoni: www.arnoldcassola.eu

Cassola se jkun kandidat fuq l-10 u l-11-il distrett. Huwa ma baqax parti mill-Alternattiva Demokratika wara 30 sena f'dan il-partit u wara nuqqas ta' qbil fuq il-kwistjoni tal-abort. Cassola kien saħaq li huwa jibqa' kontra l-abort ħlief f'każi fejn is-saħħa tal-mara tkun ipperikolata. L-akbar suċċess ta' Cassola lokalment kien fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004 - is-sena li fiha Malta saret membru tal-Unjoni Ewropa - meta kien kiseb 22,938 vot f'isem l-AD. 

Fi żvilupp uniku fl-2006 imbagħad Cassola kien elett għall-Parlament Taljan. 

L-10 Distrett huwa dak li fih hemm il-lokalitajiet ta' Tas Sliema, il-Gżira, San Ġiljan, Pembroke, Baħar iċ-Ċagħaq u parti minn Naxxar. Il-11-il Distrett huwa magħmul mill-lokalitajiet tal-Mosta, Ħ'Attard, l-Imdina u Burmarrad.

More in Politika