Labour jew PN: Min se jagħti tindifa tajba lill-politika?
Inkomplu nagħtu ħarsa lejn dak li nistennew mill-Manifesti. Min huwa l-aktar kredibbli fuq il-governanza u l-korruzzjoni? Imma din hija kwistjoni li verament kapaċi trebbaħ jew ittellef elezzjoni ġenerali?
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa l-oħra bdejna nagħtu ħarsa lejn l-aktar kwistjonijiet li mistennijin jispiċċaw fuq l-aġenda tal-votanti fil-kampanja elettorali u wieħed x'jista' jistenna fil-manifesti dwar l-għoli tal-ħajja - kwistjoni li qed tqajjem tħassib reali fost bosta, kif ukoll it-trapsort tal-massa.
Illum se nagħtu ħarsa lejn żewġ oqsma oħra u nevalwaw u naraw kif iż-żewġ partiti se jkunu qed jipprovaw jikkonvinċu lin-nies dwar dan il-qasam.
U n-nies x'jimpurtahom mill-korruzzjoni!
Ta' sikwit tisma' nies - inkluż politiċi - jgħidu illi l-votant ma tantx jinteressah mill-korruzzjoni u l-governanza u filwaqt li s-sondaġġi juru li din hija l-verità għall-maġġoranza tal-poplu, hemm minoranza li fil-fatt iħossu li dawn il-kwistjonijiet huma kruċjali meta jivvutaw.
Għall-Partit Laburista, se jkun diffiċli li permezz tal-manifest tiegħu jikkonvinċi lil din il-minoranza, mhux insinjifikanti, li huwa l-aħjar għażla biex il-pajjiż ikollu governanza tajba u b'saħħitha. U r-raġuni hija ovvja.
Il-perċezzjoni li diversi nies li kienu jew għadhom jiffurmaw parti minn dan il-Gvern huma jew imċappsin jew inkella hemm dubju serju fuqhom, kienet msaħħa mir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fil-Qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Għalkemm dan ma sabx rabta diretta bejn l-assassinju u l-Gvern li kien imexxi Muscat kien skjaċċanti fuq dawk li jsejjaħ rabtiet ta' poter bejn il-poter politiku u dak tan-negozju. Ir-rappport sostna li din ir-rabta bejn it-tnejn - u allura bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech, fost oħrajn - ħolqot ambjent ta' impunità li allura għamel dan l-assassinju aktar faċli biex jitwettaq.
L-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia jibqa' fil-fatt l-akbar tebgħa fuq pajjiżna fl-aħħar snin u anke jekk l-opinjoni dwarha u dwar xogħolha huwa divers, pajjiżna ma akkwista dehera u immaġini xejn tajba b'dan l-assassinju. Agħar minn hekk kienu l-implikazzjonijiet sejri fuq Keith Schembri u fuq eks membru tas-sigurtà ta' Joseph Muscat li ħarġu mill-Qorti. Xhieda dwar karti li jintbagħtu bejn Schembri u Fenech, ix-xhieda tat-tabib Adrian Vella dwar kuntatt li kellu ma' Schembri, il-kuntatt li Kenneth Camilleri kellu ma' Melvin Theuma, li fiha jingħad li pprova jitfa' l-qtil fuq l-istess Theuma u l-ħafna referenzi dwar ix-Xiħ u chats li rriżultaw bejn Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat.
Dan apparti l-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare - kumpanija bla esperjenza fil-qasam tas-saħħa li ħadet eluf u miljuni ta' ewro u ma għamlu kważi xejn , kif ukoll l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma' 17 Black, Tillgate u Hearnville.
Il-Panama Papers u l-avvenimenti sussegwenti għamlu ħsara rreparabbli lill-Partit Laburista u l-immaġini li prova jibni qabel l-2013 ta' partit li ser jiġġieled il-korruzzjoni.
Il-Gvern immexxi minn Robert Abela - minkejja riformi importanti bħall-Ħatra u d-dixxiplina fil-Ġudikatura, il-ħatra tal-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Pulizija, il-mod li bih jinħatru bordijiet bħal dak tal-Awtorità tax-Xandir, il-ħatra tal-President u riformi oħrajn - baqa' jixxekkel minn stejjer li seħħew qabel Jannar 2020. Minkejja li wettaq ħafna mir-riformi proposti mill-Kummissjoni Venezja, għadda mit-test tal-Moneyval b'tifħir, falla dak tal-FATF wara vot mir-Renju Unit, il-Ġermanja u anke l-Istati Uniti.
Minkejja li diversi rapporti, inkluż ta' aġenziji ta' kreditu u issa anke ċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-MFSA John Mamo qed jisħqu li l-effett dirett ta' din id-deċiżjoni sa issa mhux qed jinħass u allura mhux qed ikun hemm eżodu minn Malta, dan xorta wassal biex l-Oppożizzjoni u din il-minoranza sostanzjali ta' nies iwaħħlu fil-Gvern għal dan l-imbarazzament u t-theżiża lis-settur finanzjarju u dak tal-gaming.
Wieħed irid janalizza min huma dawn il-minoranza sostanzjali. Huma nies li fil-maġġoranza assoluta dejjem ivvutaw PN, fost l-aktar nazzjonalisti akkaniti? Hemm nies fosthom li vvutaw Labour fl-2013 għall-ewwel darba imma reġgħu vvutaw PN fl-2017? U kemm minnhom vvutaw lill-PL fl-2017 iżda issa beħsiebhom jivvutaw PN propjru minħabba dawn il-kwistjonijiet?
Li hu ċert huwa li f'sondaġġ xjentifiku fuq il-gazzetta Maltatoday, li sar fil-11 ta' Ottubru 2021, kienu biss kważi 15% li qalu illi l-Gvern qed jiġġieled il-korruzzjoni b'mod tajjeb, filwaqt li 57.2% - maġġoranza assoluta - taw marka ħażina lill-Gvern fuq din il-kwistjoni!
Minn naħa l-oħra għall-Oppożizzjoni din il-kwistjoni tidher illi hija l-aqwa arma elettorali, mill-ġdid, kif kienet fl-elezzjoni tal-2017.
Konxju minn dan il-PN fil-fatt diġà ressaq quddiem il-Parlament abbozz estensiv li jitratta l-midja, ġid mhux spjegat u aktar, li wieħed jistenna li se jerġa' jkun fil-manifest elettorali tiegħu. Il-PN fil-fatt mistenni jagħti attenzjoni ħafna ikbar mill-Partit Laburista lejn il-kwistjoni tal-governanza, l-assassinju ta' Caruana Galizia, l-FATF, il-VGH u anke n-nepotiżmu fil-kampanja elettorali tiegħu.
Naturalment din il-kredibilità sserraħ ħafna fuq żewġ affarijet. L-ewwelnett li jinkixfu aktar żbalji jew inkella skandli li jitrattaw Gvern Laburista, speċjalment f'dak li jirrigwarda lil Joseph Muscat jew Keith Schembri jew Konrad Mizzi jew it-tlieta li huma. Pero' wkoll li l-PN ma jispiċċax fl-attenzjoni għar-raġunijiet il-ħżiena, bħal fil-każ tal-eks Deputat David Thake. Minkejja li l-proporzjon tal-istorja u l-gravità b'ebda mod ma jikkumpara mal-Panama, li eluf kbar f'taxxa dovuta jibqgħu ma jitħallsux għal snin sħaħ hija dannuża għad-deputat innifsu imma anke għall-partit li qed jgħid li huwa nadif u jitkellem dwar l-ogħla standards.
L-agħar għadu tal-PN fuq din il-kwistjoni hija l-indifferenza ta' sezzjoni kbira tal-poplu lejn dawn il-kwistjonijiet. Meta votanti jgħidu "dawn mhux kollha l-istess", "kollha ħallelin", "kollha għal buthom jaħsbu" jew "jagħmel li jrid l-aqwa li ma jiħux minn tiegħi" qed juru illi anke jekk ma jaqblux ma' xi ħaġa li għamel membru tal-Gvern, huma indifferenti biżżejjed li ma jassoċjawx mal-għajta tal-PN fuq din il-kwistjoni.
U għalhekk, filwaqt li l-probabbilità hija li l-maġġoranza kbira ta' dawk li se jivvutaw fuq din il-korruzzjoni u l-governanza se jivvutaw lill-PN, il-mistoqsija tibqa' hemm: Il-PN jista' jdawwar din il-minoranza li se tivvota fuq materji ta' korruzzjoni u governanza, f'maġġoranza?