Faċilità ġdida f'Ħas-Saptan se jwassal għal tnaqqis ta' 20% f'emissjonijiet

'Nafu kemm ġarret piż il-komunità ta' Birżebbuġa bil-ħażna tat-tankijiet tal-fjuwil' - Il-Prim Ministru Robert Abela

Ilbieraħ ġie nawgurat ċentru nazzjonali ġdid għad-distribuzzjoni tal-fjuwil f'Ħas-Saptan, b'investiment ta' €70 miljun mill-kumpanija Enemed, id-distributur nazzjonali tal-prodotti tal-pitrolju f'Malta. Dan l-investiment, wassal għall-għeluq tal-impjant tal-31 ta' Marzu 1971 f'Birżebbuġa u l-ftuħ ta' faċilità ġdida mgħammra bl-aħħar teknoloġija li tipprovdi operat iktar modern, effiċjenti u sostenibbli. Iċ-ċentru se jkun qed iżid l-effiċjenza fl-operat tiegħu b’60%, filwaqt li jnaqqas l-emmissjonijiet ta’ CO2 b’20%, hekk kif se jonqos it-traġitt tat-trakkijiet.

Matul id-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-faċilità ta’ Ħas-Saptan "hija eżempju ċar ta’ kif permezz ta’ teknoloġija innovattiva, is-servizz provdut qed jiġi mmodernizzat filwaqt li jitnaqqas l-impatt negattiv fuq il-komunitajiet tal-madwar".

“Nafu kemm ġarret piż il-komunità ta’ Birżebbuġa bil-ħażna tat-tankijiet tal-fjuwil. L-ikbar piż kien riżultat ta’ infrastruttura antika li tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa daqskemm wieħed estetiku,” qal il-Prim Ministru.

Il-Ministru spjegat ukoll kif l-investiment qed joffri l-aktar teknoloġija moderna biex il-pajjiż ikun moqdi bl-aħjar mod. L-investiment jagħmilha possibbli biex l-Enemed tkompli tgħolli l-istandards tagħha u toffri fjuwil ta’ kwalità ogħla.

L-installazzjoni ta’ Ħas-Saptan tinsab 45m ’l isfel mill-art u kienet mibnija fl-1950 mill-Ammiraljat Brittaniku u ko-finanzjata mill-pajjiżi membri tan-NATO. Il-faċilità hija konnessa ma’ żewġ mini taħt l-art, waħda li twassal għal Ras Ħanżir fil-Port il-Kbir u oħra li twassal għall-port ta’ Marsaxlokk.

“Is-suċċess ta’ dan il-proġett jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti biex nilħqu l-viżjoni tagħna li nsiru l-għażla preferuta tal-impjegati, il-klijenti u x-shareholders tagħna,” qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.

Fiċ-ċentru saru diversi tibdiliet, fosthom l-installazzjoni ta’ saff ieħor fit-tankijiet tal-fjuwil li jwasslu għal aktar sigurtà, l-installazzjoni ta’ pompi ġodda għat-trasferiment tal-fjuwil u apparat teknoloġiku ieħor fil-pajpijiet tal-faċilità taħt l-art.

Dan minbarra l-iddisinjar u l-bini ta’ faċilità għall-ħażna tal-fjuwil fuq l-art biex it-trakkijiet jgħabbu u jqassmu l-fjuwil b’mod effiċjenti u sigur madwar il-gżejjer Maltin.

Aqra wkoll: 'Bżonn ta' proġett li jagħti pulmun ġdid lil Birżebbuġa'

Aqra wkoll: 'Il-proċess biex jitneħħew it-tankijiet f'Birżebbuġa 'se jieħu snin'

More in Politika