Żagħżugħ ta' 25 sena mir-Rabat huwa s-sitt persuna li tressqet il-Qorti akkużata bil-ħtif ta' Carlos Schembri, ix-xahar li għadda.
Huwa wieġeb mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €3,000 u garanzija personali ta' €5,000.
Inħarġet ukoll ordni ta' protezzjoni fil-konfront ta' Carlos Schembri u l-familja tiegħu. Il-Maġistrat wissietu li jekk jikser din l-ordni, se jiffaċċja sentejn ħabs u multa ta' €7,000.
Dan iż-żagħżugħ huwa s-sitt wieħed li tressaq il-Qorti b'rabta ma' dan il-każ. Huwa ma tressaqx il-Qorti mal-bqija għax kien l-isptar.
Ilbieraħ tressqu l-ħames żgħażagħ l-oħra li għandhom bejn 20 u 28 sena. Erbgħa ngħataw il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li żagħżugħ ta' 26 sena nżamm arrestat wara li pprova jintimida wieħed mix-xhieda.
Iż-żgħażagħ kollha kienu arrestati u akkużati bil-ħtif ta' Carlos Schembri, li żammeh kontra r-rieda tiegħu li heddewh li joqtluh li weġġgħuh u li anke serqu €1,000 u oġġetti oħra.
Meta kien qed jixhed fil-Qorti, Schembri saħaq li l-akkużati kienu qed jhedduh li jaqtgħulu s-swaba u li jistupraw lil oħtu.
Schembri rnexxielu jaħrab mill-vann li fih daħluh l-akkużi u mar jiġri l-għassa ta' Raħal Ġdid.