Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta ordni ċara lid-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis biex jirriżenja minn Deputat Nazzjonalista u allura mill-partit ukoll hekk kif dan qed ikun akkużat mill-midja tal-Partit Laburista li ma ħallasx il-pagi tal-ħaddiema għal dawn l-aħħar xaharejn - inkluż il-bonus ta' €135 ta' Diċembru li ma għaddiex lill-ħaddiema ta' Gozo Concrete Products. Ġie rrappurtat li din il-kumpanija ta' Ellis għandha djun kbar ma' diversi kumpaniji, tant li kien irrappurtat li qed tpartat il-brikks biex taqta' dan id-dejn.
Iżda din il-gazzetta hija infurmata li r-raġuni prinċipali għal din l-ordni hija li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tinsab infurmata li Ellis għandu problemi oħrajn, apparti dan, u tinsab serjament imħassba li jista' jkollha l-istess sitwazzjoni għal dik tal-eks Deputat David Thake fuq ħoġorha mill-ġdid, ftit ġimgħat qabel elezzjoni. Is-sitwazzjoni ta' Thake - li kellu kont pendenti ta' taxxa ta' madwar €800,000 xi jħallas fuq medda ta' snin - imbarazzat mhux lil Thake biss imma lill-Partit Nazzjonalista kollu, li qed jorbot il-kampanja tiegħu l-aktar mal-governanza tajba u politika onesta.
Minkejja li Grech ordnalu jitlaq, il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li Ellis irrifjuta li jagħmel dan.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Ellis, filwaqt li sostna illi mhux se jikkonferma jew jiċħad dak li ntqal lil din il-gazzetta - qal li huwa ilu 15-il xahar fil-Parlament "u naħseb li qed naqdi dmiri u dan qed naqdih b'mod tajjeb."
Id-Deputat Ellis saħaq illi "ma hemm ebda raġuni skont il-Kostituzzjoni biex jiena nwarrab. Jiena ħadt ġurament biex naqdi dmiri bħala Deputat u hekk qed nagħmel."
Dan huwa t-tieni każ illi fih il-Kap tal-PN talab riżenja iżda din qed tiġi sfidata, hekk kif is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami wkoll kienet ordnata tirriżenja fuq vot dwar żvilupp fin-Naxxar iżda rreżistiet din it-talba u baqgħet fil-kariga.
Mhux ċar x'ser jiġri jekk Ellis jibqa' jinsisti li jżomm postu u jekk il-Kap tal-PN hux lest li jieħu azzjoni kontrih, kif qal li se jieħu fil-konfront ta' Fenech Adami.
Ellis kien elett fil-Parlament wara elezzjoni każwali, wara l-mewt tad-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Frederick Azzopardi wara li kiseb 1,968 vot. Kuntrarjament għas-Sindku Naxxarija huwa kien - bħal Thake - wieħed minn dawk li ħaduha qatta' bla ħabel kontra Adrian Delia, tant li f'artiklu fuq din il-gazzetta stess fis-17 ta' Awwissu 2017 huwa kien appella lil Adrian Delia biex jirtira mit-tiġrija għall-Kap tal-PN, minħabba dejn li kellha kumpanija li fiha Delia kellu ishma.
"Hu x’inhu l-każ, il-fatt jibqa’ illi l-bank jista’ meta jrid hu jdur biss fuq Adrian Delia u jitolbu l-ħlas lura ta’ dawn is-€7.2m flimkien mal-imgħax li hu għaddej bir-rata ta’ €1,600 kuljum... Mhuwiex aċċettabli bl-ebda mod illi l-kap ta’ wieħed mill-akbar partijiet f’Malta u l-kap tal-oppożizzjoni jkun f’pożizzjoni vulnerabbli ma’ bank ewlieni illi fi kwalunkwe ħin u mument jista’ jiġbidlu t-tapit u jitfgħu mal-ħajt. Il-PN diġà għandu problemi finanzjarji kbar u l-aħħar ħaġa li jeħtieġ hu li jkollu kap li għandu problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll," kien qal Ellis f'dan l-artiklu.
Il-każ ta' Thake...
Bernard Grech irid jevità akkost ta' kollox ripetizzjoni ta' dak li ġara b'Thake.
Thake spiċċa f'nofs kontroversja hekk kif l-ewwel fuq The Times u wara fuq il-gazzetta Maltatoday kien żvelat kif huwa kellu eluf kbar x'jagħti lid-Dipartiment tal-VAT. Inizzjalment irriżulta li Thake kellu €270,000 x'jagħti lill-istess Dipartiment fuq l-operat ta' Vanilla Telecoms, għalkemm meta jonqsu flus li ġew diferiti minħabba skema tal-Gvern relatata mal-Covid-19, dawn niżlu għal madwar €174,000 li jeħtieġ jitħallsu fil-pront. Fuq dawn l-ammonti pendenti - li ġie rrapportat li jmorru lura snin Thake laħaq qbil mad-Dipartiment għall-ħlas. Ftit jiema wara mbagħad irriżulta li fuq żewġ kumpaniji oħra tiegħu - Maltashopper Ltd u Maisons Du Monde - Thake kellu €550,000 oħra x'jagħti lid-Dipartiment tal-VAT. Aktar minn hekk ukoll kien żvelat kif huwa ma kienx għamel filing tal-kontijiet fuq dawn il-kumpaniji.
Hu kien sostna iżda li dan kien attakk mill-Partit Laburista, li sejjaħlu "organizzazzjoni kriminali."