Mil-lum komplew jonqsu r-restrizzjonijiet li ddaħħlu fis-seħħ biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.
Fil-fatt, mil-lum, 14 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin validu mhux se jibqa’ obbligatorju biex wieħed jidħol fil-barijiet, pools, gyms, spas, ċinema u anke teatri.
Dawn l-istess stabbilimenti jridu jibqgħu jsegwu l-protokolli li kienu ddaħħlu fis-seħħ mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Fis-7 ta’ Frar, l-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin tneħħa għar-ristoranti, l-isnackbars u l-każini.
Intant, aktar restrizzjonijiet se jkunu qed jitnaqqsu matul dan ix-xahar. Mill-21 ta’ Frar, il-perjodu tal-kwarantina se jkun qed jonqos għal dawk il-persuni mlaqqma li jkunu ġew f'kuntatt primarju ma' persuna pożittiva għall-Covid-19.
Sa issa, dawn il-persuni qed jagħmlu kwarantina ta' sebat ijiem u joħorġu biss wara li jagħmlu test fl-aħħar ġurnata u dejjem jekk dan jirriżulta negattiv. Mill-21 ta' Frar, dan il-perjodu se jkun qed jonqos għal ħamest ijiem, bil-persuna tkun obbligata tagħmel test fl-aħħar jum
Mill-1 ta' April li ġej se jkunu jistgħu jsiru tiġijiet bilwieqfa sa massimu ta' 300 ruħ li jkunu kollha mlaqqma. Sa issa, tiġijiet bilwieqfa jistgħu jsiru biss għal 100 ruħ imlaqqma.
Rigward tiġijiet bilqiegħda, il-massimu se jibqa' dak ta' 500 ruħ li jkunu mlaqqma. It-tir huwa, jekk is-sitwazzjoni tibqa' taħt kontroll, li fil-ġimgħat ta' wara, jkomplu jonqsu r-restrizzjonijiet fuq it-tiġijiet.