Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi ma weġibx għall-mistoqsijiet mill-gazzetta ILLUM dwar is-sitwazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis u t-talba li għamillu l-Kap Nazzjonalista li jirriżenja.
Ilbieraħ il-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ta ordni ċara lil Ellis biex jirriżenja minn Deputat Nazzjonalista hekk kif dan qed ikun akkużat mill-midja tal-Partit Laburista li ma ħallasx il-pagi tal-ħaddiema għal dawn l-aħħar xahrejn - inkluż il-bonus ta' €135 ta' Diċembru li ma għaddiex lill-ħaddiema ta' Gozo Concrete Products.
Mistoqsi, waqt konferenza tal-aħbarjiet, għaliex Ellis għadu ma rriżenjax Azzopardi qal li ma kienx ser jikkummenta fuq diskussjoni bejn Grech u Ellis għaliex mhux fil-kompitu tiegħu li jiddiskuti fuq dan.
Meta mistoqsi wkoll dwar jekk Ellis għandux jirriżenja jekk joħorġu aktar stejjer fuqu, huwa reġa' ma weġibx u tefa' l-attenzjoni fuq l-istorja, ippublikatata lbieraħ mit-Times of Malta, li l-Prim Ministru Robert Abela kellu sehem f'konvenju fuq proprjetà fl-2018, ta' Christian Borg.
Borg dan l-aħħar kien akkużat bi ħtif u li l-pulizija jemmnu li jagħmel parti minn grupp ta' kriminalità organizzati.