571 impjegat japplikaw biex ma jibqgħux jaħdmu mal-Air Malta

L-Iskema Volontarja ta’ Trasferiment tal-Impjegati hija waħda minn tmien punti ta' titjieb li tħabbru bil-għan li l-linja nazzjonali tal-ajru tnaqqas fl-ispejjeż tagħha u ssir aktar vijabbli.

In-numru totali ta’ applikazzjonijiet għall-Iskema Volontarja ta’ Trasferiment tal-Impjegati fi ħdan l-Air Malta li għalqet fil-11 ta’ Frar 2022, ammonta għal 571 minn total ta’ 824 impjegat eliġibbli esklużi l-bdoti.

Din l-iskema, kienet miftuħa għall-impjegati kollha tal-kumpanija u kienet waħda minn tmien punti ta' titjieb li tħabbru bil-għan li l-linja nazzjonali tal-ajru tnaqqas fl-ispejjeż tagħha u ssir aktar vijabbli. 

Fl-14 ta' Jannar li għadda, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien ħabbar kif biex l-Air Malta ssalva ma tistax iżżomm in-numru ta' ħaddiema li għandha fil-preżent.

Għalhekk fost pjan ta' ristrutturar kienet tħabbret din l-iskema biex permezz tagħha nofs il-ħaddiema tal-Linja Nazzjonali jitwaqqfu minn dan l-impjieg u jingħataw ieħor mal-Gvern, permezz tal-Iskema Volontarja ta’ Trasferiment tal-Impjegati. 

Minn madwar 900 ħaddiem li hemm preżentement fuq il-kotba tal-Air Malta dawn se jkunu qed jonqsu b'madwar 430, li 300 minnhom huma dawk il-ħaddiema tal-ground handling. Dan is-servizz minflok se jibda jsir minn kumpanija privata li għalissa għadha ma ġietx identifikata.

Fi stqarrija, l-Air Malta rringrazzjat lill-Unions rispettivi, lir-rappreżentanti tagħhom u lill-impjegati tagħha li fhemu s-sitwazzjoni matul in- negozjati li wasslu għat-tnedija b’suċċess tal-Iskema ta’ Trasferiment Volontarju tal-Impjegati.

More in Politika