Chris Fearne wkoll kontra l-proġett tal-yacht marina f'Wied il-Għajn

Fearne mhuwiex l-uniku Deputat tal-Gvern li huwa kontra dan il-proġett. Mal-gazzetta ILLUM, id-Deputat Jean Claude Micallef kien ħareġ ċar u tond kontra dan il-proġett

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ukoll qed jopponi l-proġett għal yacht marina f’Wied il-Għajn.

Fearne, li joħroġ fuq it-tielet distrett u li jinkludi din il-lokalità qal li l-bajja għandha tibqa’ kif inhi anke minħabba t-tradizzjonijiet marbuta ma’ dan il-villaġġ.

Ma’ The Times of Malta, filwaqt li saħaq li jaqbel li jkun hemm aktar organizzazzjoni fil-parti fejn jiġu rmunkati d-dgħajjes, insista li huwa kontra li din tinbidel f'yacht marina.

Fearne mhuwiex l-uniku Deputat tal-Gvern li huwa kontra dan il-proġett. Mal-gazzetta ILLUM, id-Deputat Jean Claude Micallef kien ħareġ ċar u tond kontra dan il-proġett.

“Ejja ma nippruvaw ngħaddu lil ħadd minn għajn il-labra li għax issir marina massiċċa, Wied il-Għajn se jieħu r-ruħ,” kien insista Micallef.

Il-pjanijiet għal yacht marina f’Wied il-Għajn kienu saru pubbliċi f’Awwissu li għaddha meta Transport Malta kienet ippubblikat dokument li jissuġġerixxi li f’din il-bajja jinbnew pontuni u faċilitajiet għall-yachts. 

Madanakollu, kontra dan il-proġett ħarġu b’saħħithom ir-residenti ta’ Wied il-Għajn mgħejjuna wkoll minn diversi gruppi, inkluż il-Moviment Graffitti. 

Sas-Sibt li għadda, ir-residenti, id-dilettanti tal-festa u anke l-ambjentalisti reġgħu niżlu jipprotestaw.

More in Politika