Gazzetta Kattolika popolari ssemmi lill-Arċisqof Scicluna għal kariga importanti fil-Vatikan

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jissemma bħala kandidat ideali għal żewġ pożizzjonijiet importanti fi ħdan waħda mill-aktar Kongregazzjonijiet importanti għall-Knisja

Gazzetta Kattolika fl-Istati Uniti qed issemmi lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna bħala kandidat ideali biex jieħu post il-Kardinal Luis Ladaria Ferrer bħala Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

Fl-aħħar xhur u ġimgħat, l-Arċisqof Scicluna beda jissemma għal waħda miż-żewġ karigi importanti f’din il-Kongregazzjoni li hu familjari magħha. Qabel inħatar Isqof Awżiljajru ta’ Malta, huwa kien il-Promutur tal-Ġustizzja, fi żmien li din il-Kongregazzjoni kienet immexxija mill-Kardinal Joseph Ratzinger, aktar tard il-Papa Benedittu XVI. F’dak iż-żmien ukoll, il-każijiet kollha ta’ abbuż minn membri tal-kleru, kienu jgħaddu minn taħt idejh.

Fil-21 ta’ Jannar 2015, il-Papa Franġisku nnomina lil Mons. Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ Speċjali fi ħdan il-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, biex jiddeċiedi l-appelli fil-proċessi dwar offiżi serji stabbiliti fil-Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela. 

Fit-13 ta’ Novembru 2018, il-Papa Franġisku ħatar ukoll lil Mons. Scicluna bħala Segretarju Aġġunt ta’ din l-istess Kongregazzjoni.

Fil-fatt, l-Arċisqof Scicluna qed jissemma kemm għal Segretarju tal-Kongregazzjoni, minflok l-Arċisqof Giacomo Morandi li fl-aħħar ġimgħat inħatar Isqof tad-Djoċesi ta’ Reggio Emilia-Guastalla jew inkella bħala l-Prefett, l-ogħla kariga, jiġifieri minflok il-Kardinal Luis Ladaria Ferrer.

Il-Kardinal Ladaria Ferrer, li għandu 77 sena, mistenni jirriżenja f’Lulju hekk kif ikun ilu ħames snin Prefett.

Illum, anke l-gazzetta National Catholic Register qed issemmi lil Scicluna bħala suċċessur ideali biex jieħu f’idu t-tmexxija ta’ din il-Kongregazzjoni li hija fost l-aktar importanti għall-Vatikan għax hija responsabbli biex tissalvagwardja u anke tippromwovi l-fidi u l-morali. 

Fost oħrajn, l-istess Kongregazzjoni hija responsabbli biex tinvestiga l-aktar reati gravi li jseħħu fi ħdan il-Knisja, fosthom dawk kontra l-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Qrar u anke l-abbuż sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru.

Il-gazzetta tfaħħar lil Scicluna għall-ħidma tiegħu li wettaq f'din il-kongregazzjoni u anke ssemmi l-istima kbira li l-Papa Franġisku u l-Kurja Rumana għandhom tiegħu.

Scicluna huwa magħruf ħafna fil-Vatikan u mlaqqam ukoll “l-investigatur tal-Papa.”

Fl-2018, il-Papa Franġisku kien bagħtu fiċ-Ċilí biex jinvestiga każijiet ta’ abbuż sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru, każ li heżżeż lill-Knisja f’dan il-pajjiż. Wara l-ewwel żjara li għamel l-Arċisqof Scicluna, fejn saħansitra ltaqa’ mal-vittmi, 34 Isqof Ċilen irriżenjaw kollha f’salt.

Ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna kien saħansitra wassal lill-Papa Franġisku biex jammetti li żbajla fil-konfront tal-Poplu Ċilen u stieden lill-vittmi tal-iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra, għax fi kliemu, kien għamel analiżi żbaljata ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

Ftit wara, il-Papa Franġisku kien reġa’ talab lill-Arċisqof Charles Scicluna biex mill-ġdid iżur iċ-Ċilì biex ikompli jinvestiga dan il-każ u jiffoka l-ħidma tiegħu fuq id-Djoċesi ta’ Osorno fejn faqqa’ l-akbar skandlu u li allegatament intefa’ taħt it-tapit mill-Isqof tal-post, Juan Barros.

Ta' min ifakkar li meta kien qed jirritorna Ruma wara żjara ġewwa Fatima, waqt konferenza fuq l-ajruplan, il-Papa Franġisku kien iddeskriva lill-Arċisqof Malti bħala wieħed mill-akbar ġellieda kontra l-abbużi fil-Knisja Kattolika.

More in Politika