Jibdew jimbnew l-ħitan tal-mina li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel

Imniedi fl-2021, dan il-proġett se joffri mina ġdida ta’ 60 metru li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction tal-Imrieħel biswit l-uffiċini tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji

Jibda l-bini tal-ħitan tal-mina fl-Imrieħel | Ritratti ta' James Bianchi
Jibda l-bini tal-ħitan tal-mina fl-Imrieħel | Ritratti ta' James Bianchi

Hekk kif ix-xogħlijiet ta’ tħaffir waslu biex jitlestew, Infrastructure Malta se tidħol fi stadju ġdid tal-proġett tal-mina tal-Imrieħel fejn il-ħaddiema issa se jibdew jibnu l-ħitan tal-mina, ħabbar il-Ministru Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret waqt li ġew segwiti x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-proġett.

Imniedi fl-2021, dan il-proġett se joffri mina ġdida ta’ 60 metru li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction tal-Imrieħel biswit l-uffiċini tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji.

Ritratt ta' Jason Borg | DOI
Ritratt ta' Jason Borg | DOI

Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan se jkun proġett infrastrutturali ieħor li apparti li se jkun qed jikkumplimenta s-Central Link, se jkun qed ikompli jtaffi l-problema ta’ traffiku u tal-konġestjoni f’dawn in-naħat. Għaldaqstant se naraw li jiġu introdotti passaġġi aktar siguri kemm għall-utenti kif ukoll għaċ-ċiklisti li permezz tagħhom inkunu qed noffru iżjed mobbiltà u nkunu qed noffru konnessjonijiet aħjar u aktar siguri li jgħaqqdu lil Birkirkara, lill-Imrieħel u lil Ħal Balzan ma’ Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.”

Infrastructure Malta qed tibda ttella’ aktar minn 290 pannell tal-konkos precast biex jiffurmaw il-ħitan tal-mina tagħha. Dawn il-pannelli se jkunu s-sapport għas-saqaf tal-mina, li mbagħad tinkesa bir-roundabout il-ġdida u l-passaġġi li jwasslu għaliha, bil-passaġġi għall-utenti u għaċ-ċiklisti u anke żoni oħra ta’ pajsaġġ.

Il-mina mistennija tinfetaħ fit-tieni nofs tal-2022.

Il-Ministru Ian Borg waqt il-konferenza tal-aħbarijiet | Ritratti ta' James Bianchi
Il-Ministru Ian Borg waqt il-konferenza tal-aħbarijiet | Ritratti ta' James Bianchi

Kien propju fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li l-Ministru Ian Borg, akkumpanjat mic-CEO ta' Infrastructure Malta, qal li l-ebda deċiżjoni ma' ttieħdet sa issa fil-konfront tal-proposti tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi.

Il-pjanijiet proposti mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi, ikkummissjonati mill-Kunsill stess u ddisinjati mid-ditta tal-arkitettura DAAA Haus jinkludu mina b’erba’ karreġġjati minflok il-flyover propost minn Infrastructure Malta.

More in Politika