Id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-PN għall-Infrastruttura Toni Bezzina sostna li l-bżonn ta' sistema nazzjonali ta' trasport tal-massa qiegħed "jiżdied b'mod urġenti" kif sostna li tixhed l-istatistika li ġiet ippublikata mill-NSO aktar kmieni llum u li uriet illi fit-toroq Maltin qed jiżdiedu medja ta' 29 karozza kuljum.
"Din l-informazzjoni qed tkompli turi kif il-proġetti ta' twessiegħ ta' toroq li għamel Gvern Laburista, fl-aħħar snin kienu frott ta' viżjoni short-term ħafna," saħaq Bezzina li qal ukoll illi kieku ż-żmien u l-flus li intefqu fl-aħħar snin fuq dawn il-proġetti kienu allokati fuq proġett maġġuri ta' trasport tal-massa, "kieku bdejna l-mixja sabiex nibdew nnaqqsu l-bżonn tal-vettura privata u nipprovdu alternattiva aħjar lin-nies."
Id-Deputat Bezzina qal illi l-unika inizjattiva li ħa l-Gvern f'dan ir-rigward kien Malta Metro, "proġett li l-Gvern tant kemm ma jemminx fih li diġà warrbu u poġġih fuq l-ixkaffa. Saħansitra l-kumpanija li għamlet l-istudju ma temminx fih tant li infilsat klawżola li teżentaha minn kwalunkwe responsabbiltà għal dak li hemm miktub fir-rapport." Huwa reġa' sostna li fir-rapport hemm "taxxi moħbija."
"Jidher ċar li ma hemm l-ebda rieda minn naħa tal-Gvern li jaħdem għal sistema ta' trasport tal-massa u qed iħalli s-sitwazzjoni tiddeterjora, kif qed naraw mill-istatistika tal-lum," temm jgħid fl-istqarrija tiegħu Toni Bezzina.
Ara wkoll analiżi dwar dan is-suġġett li ġie ppubblikat fuq il-gazzetta ILLUM ftit ġimgħat ilu.