Repubblika ssejjaħ protesta u titlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali wara l-iżviluppi tat-Topo
Hija tfakkar li l-Avukat Ġenerali xogħolha mhuwiex li tipproteġi l-Ministri tal-Gvern
More in Politika
Hija tfakkar li l-Avukat Ġenerali xogħolha mhuwiex li tipproteġi l-Ministri tal-Gvern
Repubblika sejħet protesta għal għada u qed titlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali wara li aktar kmieni llum it-Topo mar lura mill-patteġġjament li kien għamel meta qal li se jikxef lil dawk kompliċi fis-serqa tal-HSBC fl-2010. Għal dan il-patteġġjament l-Avukat Ġenerali kienet waqqgħet l-akkuża fil-konfront tiegħu ta’ attentat ta’ omiċidju, hekk kif tul l-attentat ta’ serqa kienu ġew sparati wkoll xi tiri lejn pulizija. Dan il-pass wassal għal kritika qawwija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u anke mill-unjins tal-Pulizija li sostnew li b'dan il-patteġġjament intbagħat messaġġ ikrah li ħajjet il-pulizija tista' tiġi negozjata.
L-għaqda Repubblika fi stqarrija sostniet li bejn żewġ kriminali "l-Avukat Ġenerali għażlet li tipproċessa lix-xhud li kien lest isemmi lil kulħadd u taħfer lix-xhud li ma jrid jixhed kontra ħadd. Qabel il-proċess preżenti, Vince Muscat identifika lill-Ministru Carmelo Abela u lill-eks-Ministru Chris Cardona bħala kompliċi f’dan ir-reat. Darren Debono qed jirrifjuta li jgħid min kienu l-kompliċi," sostniet Repubblika.
"Hu ċar għalina b’dak li rajna fil-Qorti llum li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali ma kinitx fl-interess tal-ġustizzja iżda fl-interess tal-persuni li Vince Muscat diġà allega u kien dispost jixhed li kienu kompliċi. Il-funzjoni tal-Avukat Ġenerali mhix li tipproteġi lill-Ministri tal-Gvern imma li tara li ssir ġustizzja ma' kulħadd bla ma tħares lejn wiċċ ħadd," temmet tisħaq Repubblika.
L-għaqda se tlaqqa' lin-nies għada quddiem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-6:30 p.m