€2.5 miljun investiti fuq xogħlijiet f'żewġ toroq arterjali fl-Imqabba

Il-Ministru Ian Borg jgħid illi fl-Imqabba diġà saru madwar 10 toroq oħra residenzjali u rurali 

L-aġenzija Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet infrastrutturali fuq Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Belt Valletta, żewġ toroq arterjali fl-Imqabba, b’investiment ta’ €2.5 miljun. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara li saret fejn ġew segwiti x-xogħlijiet li saru fuq dawn it-toroq.

L-investiment ta’ €2.5 miljun hu maqsum f’€1.3 miljun permezz tax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u €1.2 miljun għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Belt Valletta, magħrufa wkoll bħala Triq l-Imqabba.

Borg qal li fl-Imqabba diġà saru madwar 10 toroq oħra residenzjali u rurali u semma li hemm pjanijiet li din il-ħidma tiġi estiża għal aktar toroq f’din il-lokalità.

“Hekk kif ftit tal-jiem ilu ħabbarna li matul is-sena l-oħra saret ħidma fuq 100 triq rurali fl-2021, illum qegħdin hawn naraw il-ħidma tkompli, din id-darba fl-Imqabba. Apparti li komplejna nżidu s-sigurtà f’dawn iż-żewġ toroq arterjali, komplejna nsebbħu ż-żona billi ħawwilna total ta’ 1,620 siġra, arbuxelli u pjanti oħra."

Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia qal li matul dawn l-aħħar snin sar investiment mingħajr ebda preċedent fuq it-toroq tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta li għal snin twal kienu minsija. "Dawn iż-żewġ toroq prinċipali mill-isbaħ fl-Imqabba huma biss tnejn minn sensiela ta’ investimenti infrastrutturali li saru f’dawn l-aħħar sentejn f’dan ir-raħal. Proġetti li b’kollox jaqbżu l-€5 miljun," sostna Farrugia. 

More in Politika