'Wasal il-ħin, bdiet it-tiġrija, għamlu kuraġġ ... Aħna miegħek, għal Malta'

Il-Partit Nazzjonalista jinġabar fil-Mosta fl-ewwel attività tal-kampanja elettorali tiegħu

Milqugħ minn folla kbira ta’ nies u viżibilment emozzjonat, Bernard Grech wassal l-ewwel dikors tiegħu ta' din il-kampanja elettorali mill-Mosta. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma tilef l-ebda ħin u mal-ewwel stqarr li l-PN hu lest, mhux biss jiġġieled sal-26 ta’ Marzu, anzi lest ukoll jigverna, “jekk biss il-poplu jafda fil-PN." “Wasal il-ħin, bdiet it-tiġrija, għamlu kuraġġ,” beda d-dirkors tiegħu Grech. 

Għaldaqstant huwa dlonk enfasizza li l-elezzjoni ġenerali mhijiex elezzjoni dwaru bħala kap, jew dwar il-PN innifsu. Huwa qal li l-elezzjoni tikkonċerna biss lill-poplu Malti u Għawdxi. 

Fuq l-istess linja ta’ ħsieb ta’ Eddie Fenech Adami lura fit-80ijiet, bl-għajta li “s-sewwa jirbaħ żgur”, Bernard Grech sostna li l-futur tal-pajjiż hu biss f’idejn il-poplu. “Il-poplu se jagħżel il-futur ta’ dan il-pajjiż. Int se tkun qiegħed tikteb il-futur, il-ħolm li jista’ joħloq dan il-pajjiż,” żied jgħid Grech.

'Dawn ukoll jaħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li se jkun qed jikkontesta għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali, tkellem dwar dak li qed jiġi ppublikat mill-ġurnali fl-aħħar ġimgħat. B’mod partikolari, huwa fakkar dwar kif il-Prim Ministru Robert Abela “ħeba kull informazzjoni dwar id-dħul ta’ €17,000 fix-xahar mill-Awtorità tal-Ippjanar.” Kompla jfakkar kif meta l-ġurnali għamlu din l-allegazzjoni, il-Prim Ministru qal li dan il-pagament kien ġustifikat mill-fatt li huwa kien jaħdem is-Sibt u l-Ħadd.

Dan kollu Grech waslu billi elenka nies li ukoll jaħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd, fosthom il-bdiewa, il-voluntiera, koppji żgħażagħ, u ħafna aktar. Huwa sostna li “mhux biżżejjed li noħolqu l-ġid jekk dak il-ġid imur fil-bwiet tal-ftit, tal-ħbieb, jew fil-bwiet ta' ma min jagħmel kuntratt mal-Prim Ministru.” 

Fil-fatt huwa kompla jgħid kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jippremja r-reżiljenża u l-ħin ta’ kull min jaħdem u jistinka għax “inti, ġej minn fejn ġej, tiġi mil-liema kamp politiku tiġi, għandek dritt li tirnexxi."

‘Il-PN se jiirritorna flusek, li insterqulek, lura'

Grech semma wkoll iċ-ċekk addizzjonali tal-€100 li kien ħabbar il-Prim Ministru fil-bidu ta’ Frar. Grech iddeskriva dan iċ-ċekk bħala ‘r-ritorn ta’ flus li ilu jisraq il-Gvern għal dawn l-aħħar seba' snin"

Kien hawn fejn il-Kap tal-PN wiegħed li Gvern taħt amministrazzjoni Nazzjonalista "bl-istess mod kif jirritorna l-flus li insterqu minn fuq il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, mhux biss iwaqqaf is-serq iżda wkoll jirritorna flusek lura."

‘Ma jġorrux kastilja għax il-ġebel kbir’

Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, Bernard Grech jinsisti li l-Gvern imexxi minn Robert Abela seraq il-passat tal-pajjiż imma huwa f’idejn il-poplu biex ma jħallihx jisraq il-futur. Dan mhux qabel ma semma numru ta’ stejjer li ddominaw il-ġurnali fl-aħħar ftit ġranet inkluż stejjer li rraporta fuqhom is-sit illum.com.mt stess. Fosthom stejjer dwar l-art fiż-Żonqor li l-Università Amerikana f’Malta għaddiet lura lill-Gvern.

Hawn Bernard fakkar kif il-Partit Nazzjonalista kien kontra id-deċiżjoni tal-Gvern mill-bidu tal-ftehim, u skont hu il-Partit Laburista attaka lil Simon Busutill u lil Adrian Delia, meta kienu huma l-mexxeja tal-PN u tkellmu kontra dan il-ftehim.

“Ma nistgħux ma nħossux l-weġgħat, ma nistgħux ma nindunawx bil-gideb, ma nistgħux ma nindunawx bis-serq u ma nistgħux nibqgħu fommna sieket,” insista Grech.

Huwa fakkar fil-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jneħħi lil Malta mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur. Grech qal ukoll li kull min ma jemminx li dan hu possiblu jwieġbu, “jien ma għamiltx ftehim mal-kriminali u jien ma billejtx subgħaja mal-kriminali bħalhom.” Tenn iktar minn darba li huwa m għandux x’jinkiweta għax skont hu m’għandux dell ikrah fuqu.

Bernard Grech temm id-diskors jgħid li l-Partit Nazzjoanlista, ħadem, stinka, ħataf kull oppportunità biex issa “miegħek, għal Malta” jkun il-vuċi ta’ kulħadd.

More in Politika