'Yorgen Fenech kien offrili l-flus ... jiena ma aċċettajtx' - Hermann Schiavone

Schiavone jisħaq li l-kmamar tal-aħbarijiet li għandhom iċ-chats ta' Yorgen Fenech għandhom ukoll dan il-messaġġ imma għal xi raġuni qatt ma ppubblikawh

L-eks Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone żvela mal-gazzetta ILLUM li Yorgen Fenech ried jagħtih ammont ta’ flus meta fl-2019 mar jiltaqa’ miegħu biex Tumas Group jipprovdi sala bla ħlas lill-Partit Nazzjonalista għal konferenza li kien se jorganizza.

Schiavone żvela mal-ILLUM li Yorgen Fenech (dak iż-żmien Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group) kien bgħatlu messaġġ, ftit sigħat qabel il-laqgħa, jistaqsih jekk iridx ilestilu xi flus, xi ħaġa li hu rrifjuta.

“Il-kmamar tal-aħbarijiet li għandhom iċ-chats ta’ Yorgen Fenech, għandhom ukoll dan il-messaġġ,” insista Schiavone. “Dan huwa dettall li qatt ma ħareġ. Għaliex?”

Schiavone kien qal li hu organizza laqgħa ma' direttur ieħor ta' Tumas Group iżda fl-aħħar ħinijiet kien riferut għal għand Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien diġà magħruf li huwa s-sid ta’ 17 Black.

“Dak iż-żmien ma kienx hemm dettalji dwar 17 Black daqskemm nafu llum,” saħaq Schiavone. “Il-PN kien għadu kemm organizza n-NET Awards il-Hilton u kien jagħmel użu mid-Dolmen għal attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.”

Schiavone aktar tard kien saħansitra ssospenda lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-PN sakemm ittieħdet deċiżjoni tal-Bord ta’ Etika li ddeċieda li hu ma kiser l-ebda regola. 

“Kien inċident sfortunat. L-aktar li jiddispjaċini hu li kienet weħħlet ukoll Kristy Debono li qatt ma kellha kommunikazzjoni ma’ Fenech. Kien hemm elementi, anke fil-Partit Nazzjonalista, li pprovaw iħammġuna,” temm jisħaq. 

Aqra l-intervista sħiħa ma' Schiavone llejla fuq illum.com.mt

More in Politika