'Dak li ġara fl-Ukrajna huwa ta' theddida wkoll għall-istabbilità Ewropea u globali - Il-President

Kemm il-Prim Ministru u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni juru appoġġ mal-poplu Ukren 

Il-President ta' Malta, George Vella wera t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u anke ta l-appoġġ tiegħu lill-Gvern u l-Poplu Ukran.

Insista li dak li ġara matul il-lejl li għadda jippreżenta theddida mhux biss għall-poplu Ukren imma anke għall-istabbilità Ewropea u globali.

Huwa ngħaqad mal-mexxejja ta' doversi pajjiżi u ħeġġeġ biex jieqfu minnufih dawn l-atroċitajiet u biex ir-Russja tirtira b'mod immedjat il-forzi tagħha b'rispett lejn is-sovranità u l-indipendenza tagħha.

'Se nibqgħu nagħtu l-appoġġ u nuru solidarjetà mal-Ukraina' - Il-PM Abela

Fl-ewwel kummenti tiegħu qabel illejla jkun preżenti fi Brussell għal laqgħa illi fiha l-Kummissjoni Ewropea mistennija tħabbar sanzjonijiet kontra r-Russja - wara l-attakk tagħha dalgħodu kontra l-Ukraina - il-Prim Ministru Robert Abela fakkar illi t-tensjoni fl-Ukraina u l-intelliġenza dwar il-possibbiltà ta’ attakk militari ilha tippersisti.

"Iżda, ix-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied ta’ qalb. L-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukraina u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom," qal Abela li fakkar illi t-triq li dejjem ħadmet fiha l-UE, kienet dik tad-diplomazija għal soluzzjoni u salvagwardja għall-paċi bid-djalogu.

"Dejjem insistejna li d-djalogu u tiftix tas-soluzzjonijiet hu aħjar minn kwalunkwe kunflitt. Bħala mexxejja ewropej se niltaqgħu fi Brussell iktar tard illum. Se nibqgħu nagħtu l-appoġġ u nuru solidarjetà mal-Ukraina. Dan filwaqt li nikkundannaw kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-Istat.”

'Jeħtieġ ukoll koordinament fuq livell Ewropew' - Bernard Grech

Intant il-Kap tal-Partit Oppożizzjoni Bernard Grech wkoll esprima din is-solidarjetà u kkundanna l-agressjoni Russa fl-Ukraina "li tmur kontra t-trattati internazzjonali u l-integritá territorjali Ukrena li Malta tinsisti li jiġu rispettati."

"Jiena nemmen li Malta trid tappoġġja bi sħiħ l-isforzi Ewropej għal risposta koordinata permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi. Nemmen li l-poplu Malti u l-popli Ewropej kollha għandhom jinżammu aġġornati regolarment fuq dawn is-sanzjonijiet u l-effettivita tagħhom. Aħna inkwetati li l-eskalazzjoni tat-tensjoni fir-reġjun permezz tal-aggressjoni Russa fit-territorju Ukren ikolla impatti lil’hinn mir-reġjun. Jeħtieġ għalhekk ukoll koordinament fuq livell Ewropew," sostna Grech.  

More in Politika